'Ma nistgħux inħallu n-nies jimmanipulaw it-tema tat-tfal immigranti'

Roberta Metsola f'appell qawwi biex ikunu protetti t-tfal immigranti....

L-MEP Roberta Metsola
L-MEP Roberta Metsola

Filwaqt li sejħet biex jidħlu fis-seħħ proċeduri ta’ verifikazzjonijiet ta’ sigurtà li hemm bżonn, l-MEP Roberta Metsola qalet li tfal li jkunu weħidhom li ħarbu mill-gwerer u mill-faqar, għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom u mhux gwardjani tal-ħabs.

“Jien kburija li jien Malta u Demokratika Kristjana. Jien ukoll ma nistħix ngħid li jien politikanta favur il-ħajja. Jien nitkellem għal dawk li jkunu għadhom ma twieldux u nitkellem ukoll favur dawk it-tfal, li jkunu qed jaħarbu mill-gwerer u l-ġuħ fis-Sirja. Ma jixirqilhom xejn anqas sempliċiment għax twieldu ximkien ieħor,” qalet l-MEP Metsola.

Hi qalet dan waqt diskors fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell li kienet iffukata fuq il-protezzjoni ta’ tfal immigranti li jkunu weħidhom.

“Tfal li jkunu weħidhom għandhom bżonn playpens mhux wajers imxewkin, għandhom bżonn uffiċjali li jiproteġu d-drittijiet tagħhom, rispett, kotba u aċċess għall-edukazzjoni,” qalet Roberta Metsola.

Hi kienet qed titkellem f’isem il-Grupp tal-PPE, fejn hi l-Koordinatriċi fil-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Intern. Roberta Metsola sostniet li filwaqt li għandu jkun hemm il-proċeduri neċessarji, u li jingħalqu kull lakuni, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea għandhom l-obbligu legali li jiproteġu lit-tfal.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista qalet li “ħafna minn dawk it-tfal li jitpoġġew fuq dgħajsa mill-ġenituri tagħhom, li kienu jafu r-riskji u dawk li għamluha xorta għax l-għażla kienet bejn nar u ilma - bejn ċertezza u tama - ma kienet għażla xejn. Kif nieħdu ħsieb dawn it-tfal se juri x’saħħa għadna fl-istil tagħna Ewropej. Ma nistgħux inħallu n-nies li jimmanipulaw din it-tema. Spiċċa ż-żmien tal-politiċi populisti.”

More in Politika