Kwazi 80% jaħsbu li l-immigrazzjoni ‘tiggrava l-kriminalità f’pajjiżna’
Stħarriġ ippubblikat mill-Kummisjoni Ewropea juri illi għalkemm 51% tal-Maltin jaraw lill-immigranti bħala importanti għall-ekonomija, 79% jarawhom bħala piż u problema ta’ kriminalità
minn Albert Gauci Cunningham
Rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’dawn l-aħħar jiem jista’ jkun wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex id-diskors politiku, speċjalment dak ta’ Adrian Delia qed ikun dwar l-immigrazzjoni. Fil-fatt fl-1 ta’ Mejju Delia tkellem fit-tul dwar l-immigrazzjoni u dwar il-bżonn li “influss” ta’ ħaddiema barranin ma jkunux il-kaġun li Malta “ma tibqax tintgħaraf”. Muscat wieġeb wara nofsinhar mit-Tritoni u għamilha ċara illi ma jaqbel xejn mad-diskors ta’ Delia, anzi sostna li l-viżjoni tiegħu hija ta’ “pajjiż kożmopolitan”
Ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ li juri kif 75% tal-poplazzjoni Maltija, l-ogħla persentaġġ fl-Unjoni Ewropea kollha, jemmnu illi l-immigranti huma piż fuq is-sistema tal-‘welfare’ ta’ pajjiżna, jiġifieri tas-sistema ta’ servizzi soċjali. Dan huwa 19% iktar mill-medja fl-UE, 48% iktar mil-Lussemburgu li fih hemm l-inqas persentaġġ ta’ nies li jaraw l-immigranti bħala piż u eżatt daqs il-Greċja. Min-naħa l-oħra huma biss 19% tal-Maltin li ma jaqblux ma’ dan u 6% li ma jafux.
Iktar minn hekk, Malta tinsab fil-quċċata tal-pajjiżi tal-UE hekk kif 79% tal-Maltin ‘totalment jaqblu’ illi l-immigranti jiggravaw is-sitwazzjoni tal-kriminalità fil-pajjiż. Il-kriminalità u n-nuqqas ta’ sigurtà, bħall-immigrazzjoni, ukoll qed ikunu suġġett li jitqajjem ħafna drabi fid-diskors politiku ta’ Delia.
Fl-aħħar stħarriġ tal-gazzetta Maltatoday jirriżulta li 9.9% tal-parteċipanti semmew l-‘barranin li qed jgħixu Malta’ bħala l-akbar inkwiet tagħhom u 5.6% lill-immigranti illegali. Minkejja li Delia qed jitkellem aktar dwar is-suġġett, filwaqt li Muscat qed jippromovi pajjiż b’aktar barranin u taħlit huma iktar il-Laburisti, b’20% li wrew inkwiet milli n-Nazzjonalisti bi 11%.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri illi filwaqt li għad hemm reżistenza u anke elementi razzisti fil-pajjiż li mhumiex żgħar, hemm ukoll realizzazzjoni tal-importanza ekonomika tal-immigranti u tal-bżonn dejjem jikber ta’ integrazzjoni.
27% ma jaħsbux li drittijiet ugwali jgħinu...
L-ILLUM tat ħarsa dettaljata lejn dan l-istudju bl-isem ‘Integration of immigrants in the European Union’, li juri wkoll illi Malta tikklassifika mal-aħħar tliet pajjiżi f’dak li jikkonċerna drittijiet ugwali lill-immigranti. Fil-fatt, mistoqsijin jekk jaħsbux li l-immigranti għandux ikollhom aċċess u drittijiet ugwali daqs il-Maltin għall-edukazzjoni, servizzi tas-saħħa u protezzjoni soċjali biex titjieb l-integrazzjoni, 27% wieġbu li ‘totalment ma jaqblux’. Iż-żewġ pajjiżi l-oħrajn illi għandhom l-ogħla persentaġġi f’din il-kategorija huma l-Polonja u l-Ungerija. Il-persentaġġ ta’ Malta huwa 10% ogħla mill-medja fl-UE.
Jivvutaw? U ma tarax jgħidu erba’ minn kull 10...
Persentaġġ ogħla huwa dak dwar id-dritt tal-vot. Dan l-istħarriġ juri illi 60% tal-Maltin ma jemmnux li jekk l-immigranti jkollhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali, dan jgħin fl-integrazzjoni tagħhom. Dan ipoġġina mat-tliet pajjiżi bl-ogħla rata ta’ nies li jemmnu li l-vot mhux ċavetta għall-integrazzjoni u 12% ogħla mill-medja fl-UE. Il-medja fl-UE ta’ nies li jaqblu (pjuttost jew totalment) illi jekk l-immigranti jingħataw il-vot, dan jgħin fl-integrazzjoni, huwa ta’ 55%, filwaqt li l-persentaġġ f’pajjiżna huwa ta’ 35% (10% - jaqblu totalment u 25% - pjuttost jaqblu). Il-Portugiżi (70%), l-Iżvediżi (71%), l-Ingliżi (72%), l-Ispanjoli (73%) u l-Irlandiżi (74%) huma l-aktar popli li pjuttost jew totalment jaqblu li l-immigranti jingħataw jew jinżamm id-dritt tal-vot f’elezzjonijiet lokali biex ikunu aktar integrati.
Jekk inti Malti, Grieg jew Ċiprijott probabilment taħseb li l-immigrant qed jeħodlok xogħlok
U l-immigranti vera qed jeħdulna ix-xogħol? Dan l-istħarriġ juri illi 63% tal-Maltin hekk jaħsbu anke jekk dan mhux neċessarjament huwa minnu. Dan ipoġġina fit-tielet post, b’73% tal-Griegi jaħsbu li l-immigranti qed jeħdulhom xogħolhom u 66% taċ-Ċiprijotti jaħsbu l-istess. Dan ifisser li dan is-sentiment f’Malta huwa 24% ogħla mill-medja fl-UE u 51% ogħla mill-Iżvezja, illi tirreġistra l-inqas rata ta’ nies li jaħsbu illi l-immigranti qed jieħdu xogħol in-nies tal-pajjiż.
U fil-ħajja personali tagħhom, il-Maltin kemm huma tolleranti u kemm jaċċettaw lill-immigranti? Fil-fatt, fil-maġġoranza tagħhom il-Maltin huma akkoljenti u f’ħajjithom jikkomunikaw ħafna ma’ immigranti. 70% huma komdi bi ħbieb immigranti, 67% huma komdi b’kollega immigrant, 66% huma komdi b’ġirien immigranti, 57% huma komdi b’tabib immigrant, 60% huma komdi bi qraba jew sieħeb/ba immigrant u 53% li huma komdi b’maniġer li huwa immigrant.
Minkejja dan, Malta għandha rati ogħla mill-medja Ewropea f’kemm il-poplu ma jissoċjalizzax u mhux komdu jagħmel kuntatt ma’ immigranti. Kważi kwart tal-popolazzjoni, jew 24% tal-Maltin huma totalment skomdi bi ħbieb immigranti, 10% aktar mill-medja Ewropea. 22% jħossuhom totalment skomdi b’kollegi immigranti (8% iktar mill-medja fl-UE), 28% huma totalment skomdi b’immigrant bħala ġar (15% inqas mill-medja fl-UE), 37% huma totalment skomdi b’immigrant bħala tabib (17% ogħla mill-medja fl-UE), 32% jħossuhom skomdi b’immigrant bħala qarib jew sieħeb/ba u 31% jħossuhom skomdi b’maniġer immigrant (1% ogħla mill-medja fl-UE).
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri illi 40% tal-Maltin jiltaqgħu ma’ immigranti kuljum f’kuntesti differenti, għalkemm min-naħa l-oħra 56% ma setgħux jgħidu bejn wieħed u ieħor kemm hi l-popolazzjoni tal-immigranti f’pajjżna.
39% tal-Maltin jagħmlu kuntatt ma’ immigranti kuljum...
It-taħlit u l-kuntatt bejn il-Maltin u l-immigranti huwa fost l-ogħla f’pajjiżna u dan huwa probabilment riflessjoni tal-fatt illi l-popolazzjoni tal-immigranti f’pajjiżna meta kkalkulata għal kull persuna hija għolja. Fil-fatt l-akbar kuntatt ta’ kuljum bejn persuni mill-pajjiż u immigranti kien fil-Greċja (57%), l-Irlanda (55%), l-Awstrija u l-Iżvezja (it-tnejn 52%) u l-Italja (51%).
39% tal-Maltin jiltaqgħu ma’ immigranti kuljum jew minn tal-anqas darba f’ġimgħa fiż-żona fejn jgħixu, 25% jagħmlu kuntatt ma’ immigranti kuljum jew minn tal-anqas darba f’ġimgħa fuq il-post tax-xogħol, 31% f’postijiet pubbliċi bħal sptarijiet, tallinja u aktar, 14% fi skola/università/childcare u 10% biss waqt attivitajiet ta’ sport jew attivitajiet kulturali.
Minkejja li 40% tal-Maltin jiltaqgħu jew jagħmlu kuntatt ma’ immigranti f’ħajjithom, l-istess stħarriġ juri illi 73% wieġbu li m’għandhomx ħbieb jew qraba li huma immigranti u li qed jgħixu Malta. Minkejja li l-persentaġġ huwa kbir u teżisti xi ftit ta’ segregazzjoni soċjali skont iċ-ċittadinanza diversi pajjiżi oħrajn għandhom persentaġġi għoljin ta’ nies li jgħidu illi m’għandhomx ħbieb jew qraba immigranti.
Bosta jaraw l-immigrazzjoni bħala l-aqwa ċans biex ikun hemm it-taħlit u tkun iċċelebrata d-diversità. Imma maġġoranza qawwija ta’ Maltin mhux qed jaraw dan il-valur miżjud kulturali, fil-fatt 64% ma jemmnux li l-immigrazzjoni b’xi mod tarrikkixxi l-kultura ta’ pajjiż. Dan ipoġġi lil Malta bħala t-tieni l-aktar pajjiż li fih il-poplu ma jarax benefiċċji kulturali għall-immigrazzjoni. Huma biss 28%, it-tieni l-inqas fl-Unjoni Ewropea kollha, li jemmnu illi l-immigrazzjoni tarrikkixxi l-kultura Maltija.
64% jemmnu li l-integrazzjoni huwa investiment...
U finalment l-istħarriġ x’juri dwar l-integrazzjoni? Il-Maltin iridu jintegraw jew le?
L-ewwel nett 49% tal-poplu jemmen illi l-integrazzjoni bejn il-Maltin u l-barranin hija suċċess. Minkejja li din hija maġġoranza relattiva, 45% ma jaħsbuhiex l-istess. Maġġoranza qawwija oħra, jew 64% tal-poplu Malti, jemmen li l-integrazzjoni hija investiment fit-tul għal pajjiżna, 5% inqas mill-medja tal-UE. Huma ftit iktar minn kwart jew 27% li jemmnu illi l-integrazzjoni mhix xi ħaġa tajba għall-pajjiż.
88% jaraw fil-lingwa ċ-ċavetta tal-integrazzjoni
Il-Maltin b’saħħa kbira jemmnu illi l-lingwa hija parti integrali mill-proċess ta’ integrazzjoni, fil-fatt 88% qalu illi jaqblu ħafna jew pjuttost jaqblu ma’ korsijiet tal-lingwa offruti lill-immgranti malli jaslu pajjiżna. 85% jemmnu li għandhom jkunu parteċipi fi programmi ta’ integrazzjoni, 88% jħossu li dawn il-programmi għandhom ikunu mandatorji u 81% jemmnu li l-immigranti għandhom jkunu provduti b’miżuri li jgħinuhom isibu impjieg.
Minkejja li kif għidna iktar ’il fuq 63% jħossu li l-immigranti jeħdulna xogħolna, 51% jemmnu li l-immigranti jsaħħu l-ekonomija Maltija. 42% ma jemmnux li l-immigranti għandhom impatt pożittiv fuq l-ekomonija. Minkejja dan, l-istħarriġ juri illi 57% ma jħossux li l-immigranti qed joffru aktar innovazzjoni.
U ta’ min hija r-responsabbilità tal-integrazzjoni, skont il-Maltin? 97% jemmnu illi l-iskejjel, l-università u child care huma importanti għall-proċess ta’ integrazzjoni b’suċċess. 91% jemmnu li huwa l-irwol tal-Gvern ukoll li jara illi l-integrazzjoni sseħħ b’suċċess.
66% tal-Maltin jemmnu li jridu jkunu l-immigranti nfushom parteċipi biex l-integrazzjoni sseħħ b’mod assolut u pożittiv.
Dan l-istħarriġ sar bejn il-21 ta’ Ottubru 2017 u t-30 ta’ Ottubru 2017 wara rikjesta mill-Kummisjoni Ewropea. Minn Malta saru 509 intervisti.
L-istħarriġ fil-qasir
- 63% jaħsbu li l-immigrazzjoni hija problema
- 40% jiltaqgħu u jikkomunikaw ma’ immigranti kuljum
- 24% tal-Maltin iħossuhom skomdi b’immigrant bħala ħabib
- 79% jħossu li l-immigrazzjoni żżid il-problema tal-kriminalità
- 32% jħossuhom skomdi kieku qarib jew sieħeb/ba jkun immigrant
- 76% la għandhom ħbieb u lanqas qraba immigranti
- 49% jħossu li l-integrazzjoni hija suċċess
- 64% ma jemmnux li l-immigranti jarrikkixxu l-kultura
- 51% jemmnu li l-immigranti jsaħħu l-ekonomija
- 75% jħossu li l-immigranti huma piż fuq is-sistema tal-‘Welfare’
- 63% jħossu li l-barrani qed jieħu xogħol il-Maltin
- 64% jaraw l-integrazzjoni bħala ‘investiment’ għall-futur
- 60% ma jemmnux li l-vot lill-immigranti jgħin fl-integrazzjoni
- 88% jaraw il-lingwa bħala importanti fil-proċess ta’ integrazzjoni