L-1 ta’ Mejju. Żewġ mexxejja. Żewġ diskorsi
Muscat dwar l-ekonomija, il-but u l-housing u Delia dwar l-identità. Imma liema kien l-aħjar diskors? X’kien hemm tajjeb? X’ma qalux? U x’juruna dwar iż-żewġ mexxejja politiċi Maltin?
minn Albert Gauci Cunningham
Id-diskors ta' Joseph Muscat
Id-diskors kien wieħed b’saħħtu ħafna u kien immirat biex ifakkar fil-kisbiet ta’ Gvern Laburista u jnessi mill-kritika u stejjer li qed joħorġu fil-konfront ta’ nies influwenti li joperaw fl-istess Gvern. Id-diskors kien wieħed magħmul biex jerġa’ jqajjem l-entużjasmu fost partitarji li forsi bdew jiddubitaw is-saħħa tal-Gvern quddiem numru ta’ rivelazzjonijiet li ħarġu riċentement.
Id-diskors kellu punti qawwijin ħafna. L-ewwel nett Muscat beda jindirizza dik li għal dan il-Gvern, f’termini ta’ popolarità, hija l-akbar uġigħ ta’ ras; il-housing. Dan jixhdu eżerċizzju li kien sar minn din il-gazzetta meta staqsiet numru ta’ Deputati Laburisti x’inhi l-aktar kwistjoni li Laburisti jew inkella votanti oħrajn ikellmuhom dwarha.
Housing; l-akbar uġigħ ta’ ras għall-Gvern...
Il-problema ta’ housing hija waħda li qed issir aktar ikkumplikata minħabba li 1) dan il-Gvern sab waiting list ta’ madwar 3,000 persuna jistennew post tal-Gvern, 2) fl-ewwel ħames snin ta’ Gvern Laburista, anke jekk beda x-xogħol, għadu ma tlestiex appartament wieħed, li jfisser illi l-lista żdiedet u 3) il-prezzijiet li splodew tal-kirjiet flimkien ma’ prezzijiet li għolew tal-proprjetà u l-fatt li l-banek huma aktar attenti u konservattivi fil-mod kif jagħtu s-self. Dan kollu qed jitfa’ pressjoni serja mhux biss fuq il-faxxa ta’ isfel imma anke fuq il-faxex baxxi tal-klassi tan-nofs u żgħażagħ li jkunu għadhom kif bdew il-ħajja tax-xogħol u qed jfittxu post.
Dan jispjega għaliex Muscat qed jagħraf li l-housing taf tkun waħda mill-akbar kwistjonijiet illi ‘on the ground’ tfisser voti. Dan jispjega l-aċċenn partikolari fuq il-housing u proġett ġdid ta’ housing li ħabbar il-Gvern. Muscat jaf illi ladarba jkollu dan l-investimemt lest ikun a) qatel ħafna mill-kwistjoni tal-kirjiet għoljin għax dawk li ma jistgħux jikru u lanqas jixtru jsibu saqaf fuq rashom f’housing soċjali u b) ikun ħalla marka soċjalista qawwija fuq il-wirt tiegħu bi proġett soċjali kbir.
Fuq is-soċjal Muscat ħabbar ukoll, kif żvelat din il-gazzetta, li se jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-kirjiet privati. Din hija rebħa kbira għal dawk kollha b’għeruq xellugin u soċjalisti u dawk li jemmnu li is-suq m’għandux isuq mingħajr ma jkun hemm regolarizzazzjoni ta’ kif jitmexxa.
L-ekonomija, l-akbar saħħa ta’ Muscat...
Meta Muscat jitkellem dwar l-ekonomija jkun fl-aqwa tiegħu. Hu jaf illi fil-pajjiż hawn sens ta’ ottimiżmu qawwi f’diversi setturi u l-qgħad huwa fost l-inqas fl-Ewropa. Iċ-ċertifikat ituh il-barranin kollha li qed jiġu pajjiżna, sew mill-bogħod bħal Indjani u Pakistani u saħansitra anke ħafna Sqallin.
Naturalment dan mhux dejjem jogħġob lil ħafna Maltin li jħossu illi pajjiżna qed isir dejjem iktar iffullat u b’hekk l-iżvilupp qed jiżdied wisq, kif qed jiżdiedu wkoll il-prezzijiet l-aktar tal-kirjiet.
Imma għalissa jidher li dan l-inkwiet għadu qed jissopravivi taħt ċifri tajbin, negozju qawwi speċjalment f’postijiet bħal Belt Valletta, turiżmu rekord,settur b’saħħtu ta’ kostruzzjoni u dħul qawwi ta’ sidien mill-kirjiet. Jidher li minkejja l-antipatija għall-‘barrani li qed jieħu xogħolna’ it-tkabbir ekonomiku u l-prospett ta’ aktar tkabbir illuppja kull forma ta’ kurrenti xenofobiċi u anti-Muscat.
Muscat semma t-taxxa u kif din hija l-ewwel sena li fiha ma sarux taxxi ġodda, il-benefiċji li daħħal, iż-żidiet fil-pensjoni u li sar l-akbar surplus fl-Unjoni Ewropea. Kif għidna f’analiżi l-ġimgħa l-oħra, l-istorja politika wriet illi l-ekonomija u l-flus fil-but jew il-prospett (anke jekk mhux reali) ta’ flus fil-but hija waħda mill-aktar fatturi importanti meta wieħed imur u jagħżel lil min irid fil-Gvern.
Il-mod kif wassal il-messaġġ...
Naturalment mhuwiex biss il-messaġġ li huwa kardinali imma wkoll kif politiku jwassal dak il-messaġġ.
Muscat bena ħiliet ta’ oratrija tajbin ħafna. Il-messaġġ tiegħu jidher illi jingħata b’ċerta passjoni u preparazzjoni. In-nies li qed jisimgħuk mhumiex boloh, jafu għax iħossu, jekk intix ippreparat, jekk temminx dak li qed tgħid u jekk dak li qed tgħid intix tgħidu b’passjoni u b’ħeġġa. Dik il-passjoni u ħeġġa tkun trasmessa lin-nies li qed jisimgħuk. Muscat jitrasmetti din il-ħeġġa, li jfisser illi jkollu l-attenzjoni kontinwa ta’ dawk li qed jisimgħuh.
Id-‘delivery’ ta’ Muscat kienet tajba ħafna, u simili għall-ispirtu kumbattiv ta’ qabel l-elezzjoni.
Dak li ma qalx!
In-negattiv tad-diskors ta’ Muscat huwa iktar f’dak li ma qalx milli f’dak li qal.
Muscat m’għamilx imqar referenza waħda għal diversi żviluppi li seħħew matul din l-aħħar sena. Notevolment Muscat ma semma xejn dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li fil-fatt jibqa’ l-akbar ‘avveniment’ li seħħ fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura u l-iktar wieħed dannuż għalih. Muscat kellu ċ-ċans jerġa’ juri illi l-qtil ta’ ġurnalista huwa att kundannabbli, anke jekk tkun ġurnalista li tikkritikak. Seta’ juri li hu ma jibżax minn din ir-realtà, anke jekk hija realtà li għamlet u tista’ tagħmel ħafna ħsara lill-Gvern li jmexxi.
Muscat ma semma xejn lanqas dwar l-allegazzjoni ta’ flus li daħlu fil-kumpanija ‘17 Black’, $200,000 minnhom allegatamet minn l-aġent lokali tal-LNG. ‘17 Black’ hija ‘target client’ tal-kumpaniji fil-Panama li kellhom Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Din l-allegazzjoni hija serja ħafna, għax jekk jirriżulta li dawn il-flus fil-fatt kienu sejrin f’dawn il-kumpaniji fil-Panama li kellhom jagħmlu $2 miljun f’sena waħda biss, inkunu qed inħarsu lejn l-akbar każ ta’ tixħim, kummissjonijiet u korruzzjoni fl-istorja politika riċenti. Aktar dannuż ikun jekk b’xi mod Muscat kien jaf b’dak li qed jiġri u m’għamel xejn u aktar gravi minn hekk jekk Muscat b’xi mod imdaħħal f’xi sistema ta’ kontijiet u kumpaniji barranin f’ġurisdizzjoni li topera b’segretezza.
Muscat, kellu jsemmi dawn l-allegazzjoni u jaċċerta li hu ’l fuq minn kull allegazzjoni u li hu ’l fuq minn kull prattika dubjuża jekk mhux kriminali wkoll. Kien iċ-ċans, li tilef, biex jagħmel linja ċara li tiddistingwih minn kull allegazzjoni li daqs kemm tista’ tkun gidba, tista’ tkun verità.
Il-fatt ma semmiex dawn il-kwistjonijiet jagħti impressjoni li qed jibża’ minnhom.
Konklużjoni: Joseph Muscat jibqa’ politiku u mexxej b’saħħtu ħafna li l-PN se jkollu sfida kbira ħafna li jegħleb fl-2019, jekk kollox jibqa’ kif inhu. Minkejja dan, anke jekk il-mass meeting kien wieħed kbir, ħafna u ħafna nies fis-silenzju ta’ darhom qed jistaqsu mistoqsijiet jew anke waslu għal konklużjonijiet mhux daqstant pjaċevoli dwar il-Gvern ta’ Muscat. Ironikament, is-saħħa ta’ Muscat se tibqa’ torbot ħafna fuq in-nuqqas ta’ aspirazzjoni ta’ Adrian Delia. Jiġifieri minkejja li diversi qed jaslu għall-konklużjoni li hemm xi ħaġa tinten f’dawn l-istejjer ta’ Daphne Project u li l-Gvern ta’ Muscat altru milli huwa pur, dawn xorta se jibqgħu jagħżlu PL, kif baqgħu jagħżlu PN minħabba li ma rawx alternattiva fit-tmexxija ta’ Alfred Sant.
Id-diskors ta' Adrian Delia
Dak ta’ Adrian Delia kien diskors ħafna inqas vast milli kien ta’ Muscat fis-sens li mess ma’ inqas suġġetti.
Filwaqt li l-aċċenn tal-Prim Ministru kien aktar fuq l-ekonomija, l-benefiċċji u l-housing, l-aċċenn ta’ Delia kien aktar fuq l-immigrazzjoni u l-identità ta’ pajjiżna.
Tant hu hekk li Delia temm id-diskors tiegħu billi wissa illi fix-xejra ta’ pajjiż li qed jiġbed ħafna ħaddiema barranin m’għandniex nitilfu lil uliedna għax pajjiżna ma jibqgħux jgħarrfuh.
Dan juri illi Delia għad għandu idea pjuttost romantika u nostalġika ta’ x’jiġifieri tkun Malti jew x’jiddistingwina bħala Maltin. Daqslikieku poplu huwa omoġenju u allura pajjiżna jintagħaraf jekk ikun mimli nies bojod jew ġilda samranija, kattoliċi, jitkellmu bil-Malti jew Ingliż partikolari, Nazzjonalisti/Laburisti u jekk ikunu twieldu f’pajjiżna minn omm Maltija.
Hawnhekk Delia, forsi sforz il-fatt li għandu bżonn żiemel ta’ battalja, dieħel f’żona mimlija toqob, ħofor u nasbiet. L-ewwel u qabel kollox għax hawnhekk għandna nies li ġew f’Malta b’passat differenti u stejjer differenti. It-tieni għax ħafna minn dawn il-barranin huma ħbieb, qraba jew saħansitra miżżewġin ma’ persuna Maltija u t-tielet għaliex, tajjeb u ħażin dawn in-nies qed jimlew ħafna postijiet tax-xogħol li jew 1) il-Maltin ma jridux jimlew jew inkella 2) Li lanqas hawn biżżejjed riżorsa bil-Maltin biss biex nimlew.
Illum f’diversi lokalitajiet bħal Buġibba/Qawra/San Pawl/Xemxija, San Ġiljan, Paceville, Sliema u anke diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel tal-pajjiż hemm preżenza qawwija ta’ individwi barranin jew inkella negozji barranin, li qed joperaw jew qed jgħixu hawn b’mod legali.
Jiġifieri qabel biss nibdew Delia jeħtieġ jgħid eżatt x’jagħraf hu b’Malta u kif jagħraf lil Malta hu. B’hekk il-poplu jkollu idea ta’ liema tip ta’ Malta jrid Delia kieku qatt isir Prim Ministru.
Żelqa kbira...
Delia żelaq bl-ikrah, għax infetaħ għall-kritika, meta biex iġib eżempju ta’ kif nistgħu ninbidlu u ma nibqgħux nintgħarfu, semma n-numru ta’ ommijiet barranin li qed ikollhom trabi f’Malta.
L-ewwel nett dan jista’ jidher, anke jekk mhux neċessarjament hu, attakk fuq l-aktar vulnerabbli; mara, barranija u omm. U t-tieni nett juri insensittività kbira lejn il-mara, hekk kif b’implikazzjoni jitfa’ t-tort kollu fuq il-mara. Innutaw, Delia semma l-mara barranija, omm. Ma semmiex ir-raġel, barrani missier.
Delia għadu kif jibda fil-ħajja politika, imma supppost jaf li hu jikkmanda l-awtorità fost sezzjoni kbira tal-poplu Malti u allura meta jitfa’ stqarrijiet dwar l-identità u bħala eżempju u fl-istess sentenza juża eżempju ta’ omm barranija, jkun qed jimplika li dik l-omm hija l-problema. Anke jekk ma qalx hekk u anke jekk ma riedx ifisser hekk, xogħol l-istrateġisti tiegħu (jekk għandu) huwa li jgħarrfuh illi jista’ jinftehem hekk.
Fejn hu b’saħħtu....
Delia kien b’saħħtu fejn tkellem dwar is-saħħa tal-pagi. Dan juri illi Delia qed imiss u jifhem ir-realtà li għalkemm l-ekonomija sejra tajjeb hemm setturi ta’ nies li mhumiex, speċjalment dawk li jridu jgħaddu b’pensjoni.
Delia, kien b’saħħtu wkoll meta semma l-eżempju ta’ mawra li kellu f’Ta’ Dbieġi u li matulha negozjant qallu illi x-xogħol hemmhekk mhux tajjeb. Dan għal darb’oħra juri li minkejja illi l-istampa l-kbira tista’ tkun feliċi hawn negozji, speċjalment dawk żgħar u tal-familja, li mhux sejrin tajjeb.
Naturalment, il-ġudizzju se jsir meta Delia juri x’se jkun qed joffri lil dawk li qed ibatu sforz staġjonalità, globalizzazzjoni jew inkella kompetizzjoni minn katina ta’ ħwienet.
Huwa jsemmi l-bżonn li t-tfal ikollhom iktar ħin għal-logħob kif ukoll li 90% ta’ dak kollu li jitgħallmu fl-iskola mhux se jużawh f’ħajjithom.
Dan jista’ jkun vera, imma wieħed jeħtieġ ikun aktar ċar. Għal xiex qed jirreferi Delia? Għalliema suġġetti? Jew għal liema parti ta’ suġġetti qed jirreferi meta jimplika li dawn huma ‘għalxejn’?
Konklużjoni: Delia għadu nieqes minn viżjoni ċara u triq ta’ fejn irid imur. Huwa tajjeb li l-partit jidher li ma jridx ikun dipendenti, jew jidher li huwa dipendenti biss fuq il-kwistjoni tal-korruzzjoni. Imma jekk se jagħżel battalji oħrajn kumplimentari jeħtieġ ikun għaqli fl-għażla u fil-mod kif jargumenta. Għandu ħafna fejn jimrah fuq suġġetti bħal kuntratti tax-xogħol abbużivi, pagi baxxi jekk mhux illegali u tħaddim ta’ barranin kontra l-liġi. Għandu ħafna fejn jimrah fuq, pereżempju, l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn barra.
S’issa Delia qed ikun vag u qed jibqa’ jitkellem fuq l-identità u jitfa’ ftit eżempji mingħajr ma jikkonkretizza x’qed jipprova jgħid eżatt. Ġab l-eżempju tat-300 persuna mill-Pakistan li qed jitħaddmu bħala xufiera mal-MPT. Imma x’qed jgħid eżatt? Li għandu problema bihom għax mill-Pakistan? Li l-MPT għandha tkeċċihom u ddaħħal Maltin minflokhom? Irid ikun ċar, mhux iżeffinhom fin-nofs u jħalliha mdendla, hekk.
Dak ta’ Delia nhar it-Tlieta kien diskors pjuttost fqir li m’għamel xejn biex jipprova jgħinu jibda jiġbor mill-frak li l-PN jinsab fih illum. Apparti li qed iżid dejjem iktar ir-riskju li jidher illi qed jonfoħ argumenti żenofobiċi u mhux neċessarjament razzjonali biex jiddistingwi lilu nnifsu.