Intervista | Ir-retweet tal-Arċisqof ħsibtha ċajta tal-1 ta’ April
Kontroversjali bħal dejjem. Jidher bħal donnu ribelluż. Imma Fr Mark Montebello x’jaħseb eżatt? X’jagħmel kieku koppja gay titolbu jżewwiġha? U kif jiddeskrivi lil Dom Mintoff?
minn Albert Gauci Cunningham
Patri Mark Montebello huwa wieħed minn dawk il-qassisin li jiġbed l-ammirazzjoni lejh daqs kemm jiġbed il-kritika. Huwa wieħed minn dawk il-qassisin li qatt ma jiddejqu jgħidu eżatt fejn jinsabu fi ħsibijiethom, fl-ideoloġija tagħhom u forsi wkoll liema partit politiku jappoġġjaw.
Il-ġimgħa l-oħra Patri Mark Montebello kiteb opinjoni fuq ġurnal lokali illi kif qal is-sit illum.com.mt meta rrappurtat l-istess kliem, permezz tagħhom fetaħ il-kanuni fuq il-mod kif il-Knisja qed tmexxi l-istrateġija tagħha, hekk kif il-pajjiż qed jiddiskuti l-emendi fil-Liġi tal-IVF.
Montebello qal illi, "kull darba, ripetutament, l-istrateġija tal-kampanja tal-Knisja tispiċċa tagħti l-impressjoni li hija kontra drittijiet tal-minoranzi. Din id-darba," kompla Montebello b'referenza għall-kwistjoni tal-IVF, "qed nixhdu isteriżmu, argumenti simplistiċi, tattiċi ta' tbeżżigħ, kruċjati, xenarji ta' apokalissi u frażijiet banali. U dan għadu l-bidu..."
Kull strateġija trid tkun maħsuba, speċjament tal-Knisja...
“Imma, skużi ta’”, nibda nistaqsih, “qed tippretendi li l-Knisja tkun favur emendi li jippermettu, l-iffriżar jekk il-Knisja (u mhux biss) temmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment? Trid li l-Knisja tkun favur iffriżar ta’ dak li hi taħseb li hija l-ħajja?’
“Jien m’għidtx li l-Knisja hi antikwata fil-każ tal-IVF,” jibda jiċċara Patri Mark. “Għidt li l-istrateġija li tidher li l-Knisja lokali qed tuża fil-kampanja biex tqajjem kuxjenza fil-każ tal-emendi għal-liġi tal-IVF mhijiex xierqa. Kull strateġija trid tkun maħsuba ħafna, speċjalment tal-Knisja, li fi żmienna tinsab f’żvantaġġ soċjali.”
Għalija l-korruzzjoni hija x-xiri tan-nies, bit-tixħim jew b’xi mod ieħor, biex jaġixxu b’tali mod u mhux ieħor
Imma hu x’jaħseb dwar din il-kwistjoni? Min jikkritika dawn l-emendi jgħid li l-iffriżar minflok l-eċċezzjoni se ssir in-norma. Hu x’jaħseb? “Il-qalba ta’ din il-kwistjoni kollha hi li ma jkunx hemm b’ebda mod kummerċjalizzazzjoni tal-embrijuni jew ta’ xi wieħed mill-elementi li jsawruhom. Dan jidher li hu wieħed mill-miri ewlenin tal-liġi tal-IVF u tal-emendi proposti għaliha, u din għandha tkun ir-regola f’kull każ u dejjem.”
Indawwar il-mistoqsija u nistaqsi lil Patri Mark kieku hu kien Deputat Parlamentari x’kien jagħmel. Kien jivvota favur jew kontra l-emendi tal-Gvern?
Montebello jibda billi jfakkar illi l-emendi għadhom fi stadju ta’ diskussjoni u mhux eskluż il-possibilità ta’ titjib. “Nifhem li hemm diskussjonijiet għaddejjin ta’ kif dan jista’ jsir u l-verżjoni finali għandha tiżen sewwa kull pożizzjoni li qed titressaq.”
Fil-fatt hekk kif kienet qed issir din l-intervista, il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca wriet it-tama illi l-liġi li tasal quddiemna tkun waħda li wiżnet il-kwistjonijiet etiċi u morali kollha.
Ħsibtha ċajta...
Indawru s-suġġett u nieħdu lura għall-burraxka li kienet qamet meta l-Arċisqof Charles J Scicluna xerred artiklu ta’ opinjoni li deher fuq sit tal-aħbarijiet. L-awtur kiteb illi kif l-Ndragheta u l-Cosa Nostra huma l-mafja f’pajjiżi ġirien, il-Gvern huwa l-mafja f’pajjiżna.
Nistaqsih jekk jaħsibx li r-retweet kienet f’postha u x’jaħseb dwar l-argument li qed isir illi l-Arċisqof, bħal kull persuna oħra għandu dritt tal-espressjoni.
Mingħajr wisq kantunieri, kif inhu s-soltu tiegħu, qalli hekk; “jiena ħsibt li dak ir-retweet kien ċajta ta’ xi ħadd għall-1 ta’ April għax dakinhar kien deher,” qabel imbagħad kompla jgħid dak li jħoss bi ftit aktar diplomazija. “Kulħadd għandu d-dritt li jsemma’ leħnu imma mhux kulħadd għandu l-lussu li jkun imprudenti,” sostna Montebello mingħajr ma elabora iktar.
Dejjem eżistew nies li jbigħu l-prinċipji tagħhom...
Imma jekk lill-Arċisqof hemm min jakkużah li jaqdi l-interessi tal-Partit Nazzjonalista, anke jekk din mhux neċessarjament minnha, ħafna oħrajn fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru jaraw illi Montebello jaqdi wisq l-interessi tal-Labour.
Insemmilu l-korruzzjoni, kwistjoni li ilha titqajjem mill-PN għal ħafna żmien issa. “Int x’tifhem b’korruzzjoni?” nibda nistaqsieh. “Għalija l-korruzzjoni hija x-xiri tan-nies, bit-tixħim jew b’xi mod ieħor, biex jaġixxu b’tali mod u mhux ieħor.”
Charles kien bniedem qalbu f’idu, ta’ sentimenti sempliċi imma onesti, u b’ruħ ta’ tifel ċkejken li qatt ma waqaf jemmen fis-sbuħija tan-nies
Imma Patri Mark jaħseb li l-korruzzjoni qed tiżdied jew le f’pajjiżna? Ma jweġibx direttament. Ma jgħidx jekk żdiditx jew le, jgħid biss li f’pajjiżna u anke f’pajjiżi oħrajn “eżistew u jibqgħu jeżistu, f’kull livell tas-soċjetà, nies li b’xi mod jew ieħor ibigħu l-prinċipji tagħhom.”
Imma hu, għaliex ma kienx voċiferu, kif qed ikun fuq kwistjonijiet oħrajn? Montebello jgħid mal-ILLUM illi ħafna drabi dan is-suġġett huwa diskuss b’mod “simplistiku” u “partiġġjan” li ma jħallix spazju għal riflessjoni. “Is-sempliċiżmu u l-partiġġjaniżmu huma wkoll forom ta’ korruzzjoni, intelletwali u morali.”
Kulħadd liberu, sakemm...
Għal mument nerġgħu naqilbu s-suġġett u mmorru lura għal intervista oħra li kienet saret fuq din il-gazzetta, jiġifieri dik mal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech. Fiha, għas-sorpriża ta’ ħafna, l-Isqof ta’ Għawdex kien qal illi għalkemm jiddispjaċih, mhux se jinkwieta żżejjed jekk il-Kurċifissi u l-Bambini jinteħħew mit-toroq u mill-postijiet pubbliċi.
“Wisq nibża’ li l-Bambini fit-toroq u l-kurċifissi mal-ħitan u fl-awli tal-Qrati qegħdin hemm u aħjar ma jkunux, għax xi drabi l-imġiba tagħna tikkontradixxi dawk l-immaġini… ninkwieta jekk is-soċjetà tieħu distanza mill-valuri tal-Evanġelju, jiġifieri l-valuri umani.”
U Patri Mark jaqbel jew le? Fil-fatt ma jaqbilx. “Ma narax għala għandu xi ħadd ineħħi jew iċaħħad il-manifestazzjonijiet pubbliċi, reliġjużi jew mhux, sakemm dawn ma jkunux diżrispettużi lejn ċittadini oħrajn.” Huwa jkompli jfakkar illi “kulħadd għandu jkollu l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu fir-rispett lejn il-libertajiet ta’ ħaddieħor.”
L-identità tagħna tinbidel il-ħin kollu...
Induru fuq l-immigrazzjoni, tema prevalenti fuq din il-gazzetta llum bl-istħarriġ ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea juri illi fil-pajjiż għad hawn jew nuqqas ta’ għarfien jew inkella saħansitra antipatija lejn l-immigranti f’pajjiżna. Issa dak li ilna naħsbu kien ikkonfermat.
Is-sempliċiżmu u l-partiġġjaniżmu huma wkoll forom ta’ korruzzjoni, intelletwali u morali
Kemm iħoss Patri Mark li qed napplikaw l-ispirtu Kristjan tas-solidarjetà u l-imħabba lejn l-immigranti? “Filwaqt li naqbel mal-isforzi li jistgħu qed isiru għall-integrazzjoni tal-immigranti li jgħixu fostna, nifhem li lanqas l-integrazzjoni m’għandha tkun sfurzata. Il-bidliet soċjali,” ikompli jgħid Patri Mark, “dejjem jieħdu ż-żmien u jġibu ċerti inċertezzi; l-isforz għandu jkun li dawn l-inċertezzi jkunu mnaqqsa kemm jista’ jkun.”
Nieħdu mill-ewwel allura għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni (ara paġni 4,5 u l-editorjal) li aċċenna l-importanza illi waqt li nattiraw barranin lejn pajjiżna biex nimlew id-defiċit fil-qasam tax-xogħol m’għandniex nitilfu l-identità tagħna. Semma wkoll l-ommijiet barranin li qed ikollhom it-tfal Malta.
Lil Patri Mark, dan il-kliem jinkwetah jew le? “L-identità, tagħna jew ta’ ħaddieħor, qed tinbidel il-ħin kollu,” ifakkar mill-ewwel Montebello. “M’hemm ebda identità li hi jew tibqa’ statika. Ilkoll kemm aħna, mhux il-barranin biss, qed nikkontribwixxu għal dan l-iżvilupp.”
Imma l-Malti razzist? Montebello ma jaqbilx fl-ispeċifikar tal-Malti jew ta’ kwalunkwe razza oħra, ifakkar iżda li kull bniedem għandu “t-tendenza li jkun razzist għax kull bniedem iħaddan ċertu biża’ mill-barrani. Il-Maltin mhumiex aħjar jew agħar minn ħaddieħor f’dan.”
M’għandix setgħa nżewweġ omosesswali, iżda...
Qed ninnota li qed ikun naqra diplomatiku Patri Mark. Allura nibda nagħtih sitwazzjonijiet partikolari u nistaqsih x’kien jagħmel hu f’dik is-sitwazzjoni.
Tiġi mara seprata jew iddivorzjata u tistaqsik jekk tistax titqarben; x’tgħidilha? Għaliex? “It-tqarbin mhuwiex xi tessera ta’ każin. Hu l-ikel sagramentali ta’ dawk li ddeċidew li jgħixu bil-fidi f’Ġesù. Aktar ma bniedem hu dgħajjef, aktar jeħtieġ minn dan l-ikel.”
Tiġi koppja omosesswali u tgħidlek biex iżżewwiġha. X’tgħidilha? Għaliex? “Jien m’għandi ebda setgħa nżewweġ omosesswali. Iżda nifhem li Alla ma jiċħadx il-barka tiegħu fuq l-imħabba u l-fedeltà tal-omosesswali bħalma ma jiċħadhiex fuq l-imħabba u l-fedeltà ta’ kull koppja oħra. Ġesù jgħid: “Min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra” (Ġwanni 6:37).”
Iħabbtulek tal-jehovah mal-bieb u jgħidulek li ġew ituk il-bxara it-tajba. Tilqagħhom f’darek? Għaliex? “Nilqagħhom, mela le; u ma tkunx l-ewwel darba. Mort jien ukoll għandhom, u mhux għandhom biss. Għax bħalma jgħid Ġesù: “Min mhuwiex kontra tagħkom huwa magħkom” (Luqa 9:50).”
Mintoff ħadem għall-ġustizzja soċjali bla kompromessi
U bdejna resqin lejn tmiem l-intervista. Patri Mark huwa, jekk xejn persuna magħrufa għall-fatt illi huwa xellugi u kważi kull persuna li f’Malta li hija xellugija u ta’ ċerta età, għandha ċerta ammirazzjoni lejn l-persuna politika tal-eks PM Malti Dom Mintoff.
M’hemm ebda identità li hi jew tibqa’ statika. Ilkoll kemm aħna, mhux il-barranin biss, qed nikkontribwixxu
Nistaqsi lil Montebello x’jaħseb, fi ftit kliem dwar Mintoff. Huwa mill-ewwel jirrispondi illi “lil Mintoff narah bħala eżempju ta’ bniedem li, minkejja l-limitazzjonijiet li kellu bħal kull bniedem ieħor, ħass ħtieġa qawwija għall-ġustizzja soċjali, u ħadem għaliha bl-anqas kompromessi possibbli,” jirrispondi Montebello.
U allura la qed insemmu x-xellug ma nistax ma nsemmix lil Charles Miceli, bniedem li ħabb tant lill-fqir tant li ta l-enerġija kollha li kellu biex jgħin lil min ma kellux u lill-vulnerabbli, jekk humiex priġunieri, persuni bi problema tad-droga u ħafna oħrajn. Montebello kif jiddeskrivi lil Miceli fi ftit kliem?
“Charles kien bniedem qalbu f’idu, ta’ sentimenti sempliċi imma onesti, u b’ruħ ta’ tifel ċkejken li qatt ma waqaf jemmen fis-sbuħija tan-nies u fil-ħila tagħhom li jgħixu ħajja aħjar flimkien.”
Kieku jerġa’ jitwieled...
U l-aħħar ħaġa li nistaqsih. Għadda minn ħafna tlajja’ u nżul, jiġi kkritikat fuq ħafna affarijiet, hemm min jgħid li ġie eżiljat bil-pulit, biex il-Kurja tpattihielu talli jgħid dak li jħoss. Kieku kellu jerġa’ jitwieled jerġa’ jsir patri?
“Jien aċċettajt li nagħmel għażla għal Alla, u s’issa dik l-għażla ma ddispjaċini qatt li għamiltha. Aktarx li kieku kelli nerġa’ nitwieled, nerġa’ nagħmilha.”
U b’hekk għalaqna l-intervista, bejn ċajta u oħra dwar il-karikatura ta’ Mikiel Galea illi dehret fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda u li fiha kien hemm Montebello.