L-MUT tħeġġeġ lill-Gvern biex jgħin finanzjarjament lill-iskejjel privati

L-MUT tisħaq li jekk l-għalliema se jibqgħu jippreferu l-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja minħabba l-pagi, l-iskejjel privati se jkollhom jgħollu l-miżati biex ikunu jistgħu joffru paga aħjar lill-għalliema

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jgħin finanzjarjament lill-iskejjel privati biex l-għalliema f’dawn l-iskejjel ikollhom l-istess pakkett finanzjajru li qed ikunu offruti l-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.

Fi stqarrija, l-MUT fakkret li wara l-iffirmar tal-ftehim kollettiv għall-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja, qed tinħoloq differenza bejn dawn l-edukaturi u dawk fl-iskejjel privati.

Minħabba f’hekk, l-MUT uriet it-tħassib tagħha għall-fatt li din is-sitwazzjoni tista’ toħloq żbilanċ fis-settur, bl-għalliema jippreferu jfittxu xogħol fi skejjel tal-Istat u tal-Knisja milli fl-iskejjel indipendenti.

Preżentament, il-Gvern diġà joffri għajnuna finanzjarja biex ikopri l-pagi tal-LSEs f’dawn l-iskejjel.

L-MUT tisħaq li jekk l-iskejjel privati se jgħollu huma l-pagi tal-għalliema, mingħajr ma jingħataw għajnuna, se jkollhom jgħollu wkoll il-prezz tas-servizz tagħhom jew jingaġġaw għalliema li huma inqas kwalifikati.

Minħabba l-fatt li l-ingaġġ tal-għalliema għas-sena skolastika li ġejja se jkun qed issir fil-ġimgħat li ġejjin, l-appell tal-MUT huwa li l-Gvern jiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dawn l-iskejjel biex jintlaħaq ftehim malajr kemm jista’ jkun.

More in Politika