Żewġ laptops u tliet hard drives li kienet tuża Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet jinsabu għand il-Pulizija Ġermaniża.
Artiklu fuq is-sit Times of Malta jgħid li l-Maġistrat Aaron Bugeja ġie infurmat mill-Pulizija Ġermaniża li dawn għandhom il-laptops. Huma infurmaw lill-Maġistrat dwar dan l-iżvilupp hekk kif, is-sena li għaddiet, hu talabhom l-għajnuna dwar l-inkjesta ta' Egrant.
Malli rċevew din it-talba, il-Pulizija Ġermaniża taw aċċess lil Bugeja għal data mill-Panama Papers dwar it-tliet kumpaniji fil-Panama, li nfetħu minn Nexia BT. Issa Bugeja jista' formalment jitlob kopji tal-informazzjoni li tinsab fil-laptop ta' Caruana Galizia.
Il-Pulizija Ġermaniża qalet ukoll lill-ġurnal Suddeutsche Zeitung li jista jagħti l-każ li issa awtoritajiet oħra Maltin jitolbu li anke huma jingħataw kopji ta' informazzjoni mill-laptop, f'każijiet li mhumiex relatati mal-inkjesta Egrant.
Minkejja dan ma qalux jekk hux se jaċċettaw dawn it-talbiet.
Jiem ilu, il-'Fulu,' wieħed mit-tliet akkużati tal-qtil ta' Caruana Galizia fetaħ Kawża Kostituzzjonali illi fiha akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li mhux jagħmel biżżejjed biex tinġabar l-evidenza kollha.
Qal ukoll li l-familja ta' Caruana Galizia qed titħalla tiddetta hi x'evidenza tinġabar waqt li saħaq illi l-laptop jista' jkun jinkludi evidenza sensittiva dwar terzi persuni involuti fil-qtil tal-ġurnalista.
Oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, kienet qalet lill-Proġett Daphne li l-aħħar laptop li kienet qed tuża Caruana Galizia kien għand il-familja u għax ma għandhomx fiduċja fil-pulizija rrifjutaw li jgħadduh. Matthew Caruana Galizia kien qal ftit qabel li jippreferi jaħraq il-laptop milli jgħaddih lill-pulizija. Kien saħaq li l-Pulizija għandhom minflok jiġbru l-laptop tal-Prim Ministru Joseph Muscat