Il-PL favur u l-PN kontra - L-emendi dwar l-IVF jgħaddu b'maġġoranza

Delia jgħid li l-PN se jibqa' jitkellem għal min għandu problema ta' fertilità iżda mhux għad-detriment tal-ħajja...

L-emendi dwar l-IVF li qajmu diskussjoni qawwija minħabba li se jippermettu li aktar embrijuni jkunu ffriżati, għaddew mill-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament, bid-Deputati tal-Gvern jivvutaw favur u d-Deputati kollha tal-Oppożizzjoni kontra. 

Id-diskussjoni dwar l-IVF saħansitra waslet lill-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca titlob biex il-vot ikun pospost sakemm ikunu indirizzati kwistjonijiet etiċi u morali.

Dawk li qed jopponu dawn l-emendi jisħqu li minħabba li l-ħajja tibda mill-konċepiment l-iffriżar tal-embrijuni f'kull każ u mhux biss f'eċċezzjoni huwa immorali għax huwa iffriżar ta' ħajja umana. Dawk favur jisħqu li bl-emendi koppji infertili se jiżdidilhom iċ-ċans li jkollhom tarbija mill-proċess tal-IVF.

Issa l-emendi jgħaddu għal stadju ta' kumitat u finalment għat-tielet qari, meta jittieħed il-vot finali. 

F'konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal illi l-vot kien ċar u sostna li għalkemm l-Oppożizzjoni se tibqa' tara kif jistgħu jingħataw għajnuna koppji infertili., fl-istess ħin għamilha ċara li l-PN mhu se jaċċetta qatt li tinqabeż il-linja u ma tibqax tkun protetta l-ħajja. "L-interess tal-Oppożizzjoni hija li tgħin lil min għandu problemi ta' infertilità imma li tibqa' wkoll tiddefendi l-ħajja u tiddefendi lil dawk li huma vulnerabbli."

Huwa qal li l-PN qara r-rapporti kollha li kellu jaqra u semma minn aktar minn 100 espert. B'hekk qal illi l-PN ingħata l-komfort minn dawk kollha li huma esperti. 

"Il-vot kien ċar ħafna," sostna Delia, "ma baqa' l-ebda dubju min għandu l-interess ta' min," sostna Delia. 

More in Politika