L-ILLUM tista’ tiżvela li Ana Gomes u Sven Giegold se jerġgħu ikunu Malta din il-ġimgħa bħala parti mill-istess delegazzjoni li kienet ġiet fl-aħħar tal-2017 u li xogħolha kien jitratta is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu illi Gomes u Giegold, li se jingħaqdu mal-MEP tal-PN David Casa, fost oħrajn, qed jinsistu li din iż-żjara se ssir biex jippreżentaw ir-rapport tal-ewwel żjara, li fil-fatt kien ippublikat ħames xhur ilu.
Minkejja dubji dwar il-mandat li għandha tali delegazzjoni, hekk kif din id-darba ma ttiħidx vot fil-Parlament Ewropew biex Gomes, Giegold u l-membri l-oħrajn jiġu Malta, sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li ż-żjara se ssir propju biex dawn juru li l-mandat li ngħata mill-Parlament Ewropew tard is-sena l-oħra għadu jgħodd sal-lum.
Gomes, li qed tmexxi din id-delegazzjoni, kkritikat bil-qawwi lil PM Malti Joseph Muscat anke jekk ġejja mill-Partit Soċjalista Ewropew (PES) ukoll, tant li darba saħansitra ħeġġet biex il-PES jiddistanzja lilu nnifsu minn Muscat.