Esklussiva | Mal-ILLUM Delia jagħti garanzija lil persuni LGBTIQ

...Il-Kap tal-PN jgħid illi kieku jsir PM ma jreġġa lura l-ebda dritt lil persuni LGTIQ mogħti fl-aħħar ħames snin ta' Gvern Laburista

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Minkejja illi ta’ sikwit qed jitkellem dwar il-bżonn li tkun protetta l-familja u saħanistra wiegħed li se jreġġa’ lura numru ta’ bidliet li daħħal dan il-Gvern, Delia qed jagħti garanzija ċara li mhu se jmiss ebda dritt introdott minn Gvern Laburista u li jitratta persuni LGBTIQ, jekk hux żwieġ jew inkella d-dritt li koppja gay tapplika biex tkun tista’ tadotta.

Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta Delia għamilha ċara illi fejn m’hemmx kwistjoni ta’ ħajja, bħal fil-każ tal-iffriżar tal-embrijun li hu qed jopponi, mhu se tinbidel jew titneħħa l-ebda liġi.

L-ILLUM staqsiet hekk; Adrian Delia jagħti garanzija illi kull dritt li kien introdott minn Gvern Laburista fl-aħħar ħames snin fir-rigward ta’ persuni LGBTIQ, u allura li jinkludu żwieġ ugwali, id-dritt li koppja omosesswali tapplika għall-adozzjoni kif ukoll drittijiet fir-rigward ta’ persuni 

Fit-tweġiba kelliem għal Delia sostna li fil-viżjoni tiegħu ta’ soċjetà li jimpurtaha, li Adrian Delia ppreżenta fl-aħħar Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, hu qal ċar u tond li hu jemmen f’soċjetà li jimpurtaha mill-valur tal-ħajja, ta’ kull persuna umana, mill-embrijun sal-aktar persuna anzjana, lil hinn minn kull distinzjoni ta’ sess jew orjentazzjoni sesswali. F’dan il-kuntest ,” kompla jgħid il-Kelliem tal-PN, “m’hemmx ħsieb li jitneħħew liġijiet li ma jipperikolawx il-ħajja ta’ ħaddieħor.”

F’dawn l-aħħar ħames snin Gvern Laburista l-ewwel introduċa d-dritt li koppja gay tidħol f’Unjoni Ċivili, f’kuntratt li jpoġġi lill-koppja prattikament fuq l-istess binarju, bl-istess dmirijiet u drittijiet daqs koppja eterosesswali. Imbagħad introduċa l-kunċett ta’ żwieġ ugwali. Iktar kontroversjali kien id-dritt li introduċa l-istess Gvern illi permezz tiegħu koppja gay setgħet tapplika għall-adozzjoni (int tingħata dritt li tapplika, mhux dritt li tadotta). Il-Gvern ressaq ukoll l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, li fost oħrajn ineħħi l-bżonn li persuna tagħmel l-operazzjoni li permezz tagħha tbiddel is-sess, qabel ma tkun tista’ tbiddel is-sess fuq dokumenti uffiċjali, bħal karta tal-identità u passaport.

Il-PN kien astjena fuq il-vot tal-Unjoni Ċivili, għalkemm kien ivvota favur l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru u favur Żwieġ Ugwali, għajr għad-Deputat Edwin Vassallo li kien ivvota kontra.

 

More in Politika