Mater Dei: Tgerfix, bidliet u fajls mitlufin

Ħarsa lejn l-aktar punti saljenti mir-rapport tal-Awditur ippubblikat din il-ġimgħa dwar il-proġett ta’ bini tal-Isptar Mater Dei...

Il-bini ta' Mater Dei u l-governanza moħbija warajh
Il-bini ta' Mater Dei u l-governanza moħbija warajh

L-Isptar Mater Dei, kif wara kollox kien imlaqqam mal-bini u t-tlestija tiegħu, huwa verament wieħed ‘state of the art’. Imma minkejja t-titjib qawwi, kemm fid-dehra, fil-kumdità u anke fis-servizzi, il-mixja għall-bini tiegħu kienet waħda mimlija tgerfix, taħwid u issa skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u allura skont l-Awditur Ġenerali, dokumentazzjoni nieqsa.

Fir-rapport tiegħu l-Awditur wasal għal konklużjoni xejn sabiħa dwar il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) li kienet responsabbli mill-eżekuzzjoni kollha tal-proġett. Tant li fil-konklużjonijiet tar-rapport ‘Investigation of the Mater Dei Hospital Project’ hu jgħid hekk; ‘l-Uffiċċju huwa tal-fehma li n-nuqqas min-naħa tal-Fondazzjoni li tipprovdi din l-informazzjoni bażika hija turija ċara ta’ falliment istituzzjonali u negliġenza serja fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, audit trail mhux adegwat u nieqes mill-kredibilità inaqqas sew il-livell ta’ responsabbilità, trasparenza, ġustizzja u governanza mistennija fi proġett nazzjonali bħal dan."

Imma xi jgħid eżatt ir-rapport ta’ kważi 80 paġna? L-ILLUM tat ħarsa lejn dak kollu li qal l-NAO u hawnhekk qed jirriproduċi lista tal-aktar punti u kwistjonijiet importanti u pertinenti f’dan ir-rapport.

  • L-NAO kien inkarigat li jistabbilixxi fost oħrajn, li pagamenti relatati mal-proġett kollu saru skont il-kuntratti, ftehim finanzjarju u b’attenzjoni għall-ekonomija u effiċjenza.
  • Dokumenti dwar il-pagamenti relatati mad-disinn, eżekuzzjoni u l-konklużjoni tal-proġett Mater Dei ma kinux ipprovduti lill-NAO
  • L-NAO huwa mħasseb dwar il-validità, l-preċiżjoni u kemm kienu kompluti ċ-Ċertifikati ta’ Ħlas (ICP).  Xi ICPs ma kinux mogħtija lill-NAO.
  • Ħlas ta’ €9.3 miljun fil-Bank Ċentrali m’hemmx traċċi tagħhom
  • Sar ħlas żejjed ta’ €1 miljun mill-interpretazzjoni tal-FMS dwar ħlas ta’ VAT
  • €4.6 miljuni li tħallsu lill-kumpanija SMJV mill-FMS wara Memorandum of Understanding ma kienx hemm spjegazzjoni għalihom, filwaqt li fil-minuti tal-laqgħa jingħad li dawn il-flus kienu ‘sinjal ta’ rieda tajba’
  • Dokumentazzjoni relatata ma’ speċifikazzjonijiet, sejħa, aġġudikazzjoni u appelli dwar it-tenders, l-uffiċjali involuti u deċiżjonijiet tal-Kabinett li japprovaw bidliet fil-proġett ma kinitx ipprovduta lill-NAO.
  • Il-Bord tal-Aġudikazzjoni kien qal illi għalkemm l-irħas tender b’€64 miljun kien ta’ Inso SpA, “dan kien jirrapreżenta l-aktar offerta dgħajfa.”
  • Inso SpA, kumpanija Taljana, jirbħu t-tender
  • John Dalli, dak iż-żmien Ministru Nazzjonalista, kien approva l-għoti tal-kuntratt lil Inso SpA. L-NAO jgħid li din l-approvazzjoni ma kinitx iffirmata u lanqas iddatata.
  • Il-kumpanija Ġermaniża Hospitalia u l-kumpanija Olandiża Simed kienu appellaw kontra Inso SpA. Qalu li kienet tħalliet tkompli b’diskussjoni meta kienet ‘l-aktar offerta dgħajfa’.
  • F’email, Uffiċjal f’Kastilja qal lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi li sorsi mill-Gvern indikaw li Inso SpA rebħet it-tender bħala “kumpens” għall-għajnuna li tat l-Italja lil Malta permezz tal-‘Financial Protocol’ imġedded fl-aħħar tal-2003.
  • L-NAO jħoss li l-proċess li wassal għar-rebħ ta’ Inso SpA kien “inġust u intenzjonat li jiffavorixxi lil Inso SpA mhux għax din kellha l-aktar offerta vantaġġjuża imma sempliċiment għax kumpanija Taljana.”
  • Fl-1991 sar ftehim bejn l-FMS u Monte Tabor għal sptar ta’ 450 sodda.
  • Gvern Laburista, fl-1996, żied is-sodod għal 950.
  • Fl-1998, Gvern Laburista qabbad lil ‘Norman&Dawbarn’ bħala diżinjaturi tal-proġett.
  • Fl-1998, Gvern Nazzjonalista ġdid reġa’ niżżel in-numru ta’ sodod għal 650, bil-possibilità ta’ estensjoni sa 825.
  • Gvern Nazzjonalista ttermina l-kuntratt ma’ Norman&Dawbarn
  • L-NAO ma ngħata ebda dokumenti għall-bidliet li seħħew fl-1996 jew fl-1998. Imħasseb li d-disinjaturi nbidlu tliet darbiet.
  • Skont il-Gap Analysis Report l-ispiża varjat bi €88 miljun. Minn €192.4 miljun għal €281.2 miljun.
  • €4.5 miljun fi ħlas għal “pożizzjonijiet ġodda” lil hinn mill-ispiża ppjanata ta’ ħaddiema.
  • L-ebda ġustifikazzjoni għal nefqa iktar ta’ €8.5 miljun għal xogħlijiet esterni.
  • Kien hemm nefqa ikbar ta’ €3.4 miljun mill-baġit għat-toroq madwar l-Isptar.
  • L-NAO ma kienx provdut bil-‘Lump Sum Contract’ li kien juri nefqa totali ta’ €341.3 miljun.
  • L-NAO jgħid li minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni kellu joqgħod fuq informazzjoni minn terzi.
  • L-NAO jgħid li nuqqas ta’ dokumentazzjoni ipprojbixxiet l-istess uffiċċju milli jistabilixxi fehma tajba tal-fatti.
  • F’każ minnhom l-FMS ma setgħetx tagħti fajls u dokumenti “għax ma nstabux u l-kaxxi (li suppost kienu fihom) kienu vojta.”
  • L-għajnuna tal-Ministeru tal-Finanzi waslu biex instabu xi fajls. Oħrajn baqgħu ma nstabux.
  • L-NAO ma setax jassigura li l-kontijiet (Special Accounts) kienu qed jinżammu skont l-ftehim, għax il-ftehim ma ngħatax lill-NAO.
  • Kontijiet tal-proġett ma kinux ippreżentati lill-NAO, minkejja diversi talbiet.
  • Bord ta’ Inkjesta kien qal hekk dwar il-kwistjoni tal-konkrit; “difett bħal dan (konkrit difettuż għall-bini ta’ Mater Dei) ma jistax ikun ir-riżultat ta’ żball ġenwin, imma kellu jkun ir-riżultat ta’ sforz ta’ bosta illi minnu kienu se jibbenefikaw il-kuntratturi, il-fornituri u possibilment parti terzi.”
  • L-NAO ma sab ebda dokumentazzjoni li tassigura li x-xogħol sar skont il-livelli approvati mill-FMS bid-direzzjoni tal-Gvern.
  • Ma ngħatat ebda forma ta’ dokumentazzjoni dwar penali li setgħu ġew imposti.
  • Meta sar il-kuntratt tad-Disinn u Bini, id-disinn tal-isptar kien għadu fi stadju preliminari.

More in Politika