L-għalliem jinsab akkużat b’korrompiment ta’ minuri

Sorsi jgħidu lill-ILLUM illi l-arrest dam ma sar minħabba t-tul li ħadet l-Inkjesta Maġisterjali fil-każ

Il-Liċeo tal-Ħamrun
Il-Liċeo tal-Ħamrun

Tiftakru l-każ tal-allegat abbuż fuq studenta fil-Liċeo tal-Ħamrun li dwaru kien qed jitkellem pajjiż sħiħ? Jidher illi bdiet tintrefa’ xi ftit mill-omertà u s-silenzju li poġġew dan il-każ jaħraq fil-qiegħ tal-aġenda tal-pajjiż u dan hekk kif din il-gazzetta  tinsab f’pożizzjoni li tiżvela illi l-għalliem tal-arti illi fuqu saru l-akkużi mill-istudenti jew inkella mill-ġenituri tal-istess studenti, jinsab akkużat quddiem il-Qorti f’każ li għaddej bħalissa.

Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi l-għalliem in kwistjoni jinsab akkużat b’korrompiment ta’ persuni taħt l-età. Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta b’kundizzjoni ta’ anonimità qalu illi l-każ dam ħafna biex tressaq quddiem il-Qorti minħabba t-tul li ħadet l-Inkjesta Maġisterjali li pproduċiet rapport pjuttost voluminuż.

Mhux ċar jekk fil-fatt hemmx divjet fuq isem l-akkużat. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Magistrat Audrey Demicoli.

Minkejja l-għagħa kbir li qajjem il-każ lokalment fuq il-mezzi tax-xandir kollha, għal xi raġuni l-arrest u l-fatt li l-għalliem kien akkużat qatt ma kienu pubbliċi.

Dan il-każ ħareġ f’Novembru tal-2016,  fi tliet stejjer differenti bejn is-17 ta’ Novembru u l-għada. Omm partikolari f’telefonata mxandra mis-sit newsbook qalet illi darba minnhom it-tifla ġiet imwerwra mill-iskola u kien f’dan il-punt li spjegat lil ommha illi, allegatament, dan l-għalliem ġiegħel tliet subien jabbużaw minnha billi tefgħuha ma’ rokna, provaw ineżżgħuha u allegatament wieħed mit-tfal poġġa l-parti tiegħu ma’ wiċċha. L-omm spjegat kif hi kienet marret tagħmel rapport l-għassa tal-Ħamrun, iżda qalet li kellha tirrikorri għall-għajnuna mingħand l-Ispettur Sandro Camilleri biex l-affarijiet bdew jiċċaqalqu. F’din it-telefonata l-omm saħansitra allegat li tfal oħrajn, apparti bintha, ġew abbużati.

Minn hemmhekk il-pajjiż kollu beda jitkellem dwar il-każ, b’aktar stejjer joħorġu fuq siti differenti inkluż mal-illum.com.mt li tkellmet ma’ xi ġenituri wkoll.

L-għalliem kien arrestat imma nħeles wara 48 siegħa. Huwa tneħħa mill-impjieg li kellu fl-iskola.

Minn ftit wara, ma nstema’ xejn aktar sakemm fi Frar tas-sena l-oħra din il-gazzetta kienet bagħtet mistoqsijiet lill-Pulizija u għamlet ukoll kuntatt mal-iskola u ma’ xi ġenituri. Iżda sabet biss bibien magħluqin u silenzju.

Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-każ kontra l-akkużat se jkompli aktar tard dan ix-xahar.

Dan l-inċident tefa’ dawl fuq din l-iskola partikolari b’għalliema jitkellmu ma’ diversi mezzi tax-xandir u jgħidu illi s-sitwazzjoni xi kultant kienet intolerabbli minħabba numru ta’ studenti. “Studenti jaqbdu u jidħlu fil-klassi li mhux tagħhom, jgħajtu u jibbuljaw lil studenti oħrajn, sal-punt li jkollna nsakkru l-klassijiet... student li kien iddixiplinat qam u beda jsawwat lil membru tal-istaff ripetutament sakemm xi ħadd ġibdu lura. L-ordnijiet tal-għalliema huma kkonfrontati b’vulgarità u oxxenitajiet...” qal għalliem partikolari lil sit lokali.

Il-Malta Union of Teachers (MUT) kienet saħansitra sejħet azzjonijiet industrijali u qalet illi dan il-każ kien juri kif is-sistema tal-kulleġġi kienet “falliet”.

 

More in Politika