Analiżi | 10 snin ta’ Muscat: L-aqwa u l-agħar mumenti tiegħu

Din il-ġimgħa jagħlaq 10 snin Mexxej Laburista. L-10 snin tal-era Laburista Muscatjana. Imma liema kienu l-aħjar mumenti ta’ Muscat? U liema kienu l-agħar? 14-il mument li Muscat u l-pajjiż mhuma se jinsew qatt...

Illum, Joseph Muscat jagħlaq 10 snin bħala Mexxej Laburista. Hekk hu, 10 snin! Imma qishom għaddew ħafna u ħafna aktar u jekk qatt kellna bżonn prova li ġimgħa fil-politika hija twila u 10 snin huma eternità, huma propju dawn.

Din il-gazzetta diġà għamlet analiżi ta’ dawn l-għaxar snin illi fihom Muscat mar minn Kap tal-Oppożizzjoni bil-goatee jappella biex ‘inħobbu lil Michelle’, għal Prim Ministru illi mexxa l-Presidenza Maltija tal-UE, li daħħal drittijiet ġodda, li qed imexxi lil Malta fi żmien ekonomikament b’saħħtu ħafna, imma wkoll li rnexxielu jsalva l-akbar mewġ, u fost l-akbar skandli u akkużi li saru fuq Gvern jew membru tiegħu fl-istorja tal-politika moderna.

Illum se nagħtu ħarsa lejn l-aqwa mumenti u l-agħar mumenti ta’ Muscat, kemm bħala PM kif ukoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

L-aqwa mumenti ta’ Muscat

  • Rebħa 2017 – Ir-rebħa tal-2017 ma kinitx tkun possibbli kieku mhux għal dik tal-2013 u fil-verità d-distakk huwa xi ftit jew wisq l-istess. Mela għalfejn r-rebħa tal-Partit Laburista (PL) fl-2017 hija l-aqwa mument ta’ Muscat? Għax din ir-rebħa kkonsolidat lil Muscat b’mod qawwi ħafna fost il-Laburisti u anke lil hinn. Rebħa b’distakk ta’ iktar minn 36,000 vot, wara li Muscat kien ilu fil-Gvern erba’ snin u fid-dawl ta’ kritika qawwija minħabba diversi kwistjonijiet, primarjament il-kontijiet fil-Panama, kif ukoll kritika minn setturi tal-għeruq tal-PL, kienet l-akbar u l-aqwa ċertifikat tal-poplu lil Muscat bħala PM.

Ir-rebħa Laburista fl-2017 poġġiet lil Muscat fuq pedestall għoli ħafna fost il-Laburisti u fil-partit. B’din l-elezzjoni Muscat ingħata impetu qawwi minn poplu li wera illi minkejja mistoqsijiet u dubji, xorta rieduh jibqa’ fit-tmun.

Dan kollu apparti l-fatt li din ir-rebħa dgħajfet lill-PN sa livell li huwa pjuttost serju. Dan ifisser li apparti r-rebħa għalih, l-2017 serviet biex tat daqqa ta’ ponn kbira u allura dgħajfet bil-kbir l-oppożizzjoni ta’ Muscat.

  • L-elezzjoni 2013 – Naturalment it-tieni l-aktar mument pożittiv għal Muscat kienet ir-rebħa ta’ madwar 36,000 vot ukoll fl-2013. Din kienet rebħa storika f’termini ta’ distakk f’elezzjoni ġenerali u tat lill-pajjiż it-tieni l-iżgħar Prim Ministru mill-1924 u l-iżgħar  mill-Indipendenza. Bħall-2017, ir-rebħa tal-PL fl-2013 kienet mistennija imma bħall-2017 ukoll, fl-2013 kien id-daqs tal-istess rebħa li ma kienx mistenni.

Dan anke jekk diversi kmamar tal-aħbarijiet, inkluż dik tagħna, kienet qed tipprevedi fi stħarriġ differenti, li d-differenza bejn il-partiti kienet se tkun ta’ madwar 11%-12%.

Dik tal-2013 kienet ukoll l-ewwel rebħa Laburista sa mill-1996, jew fi 17-il sena.

  • Unjoni Ċivili/Żwieġ ugwali – Muscat kien il-moħħ wara l-LGBT Labour u sussegwentement wara d-drittijiet l-ġodda li daħħlu għal koppji LGBTIQ u persuni trans. Id-dħul tal-Unjoni Ċivili għall-approvazzjoni tal-eluf fi Pjazza San Ġorġ jibqa’ mument storiku għax immarka l-bidu ta’ katina ta’ avvenimenti li wasslu biex fil-pajjiż daħlu drittijiet li lanqas biss konna noħolmu li se jiddaħħlu. Kien mument ukoll li ssiġġilla d-differenza essenzjali bejn Partit Laburista progressiv u PN aktar soċjalment konservattiv.

Politikament, kien mument sinjifikanti għaliex Muscat irnexxielu jirbaħ eluf ta’ voti b’xi ħaġa li sa ftit snin qabel kienet meqjusa bħala kwistjoni li ttellef il-voti.

  • Referendum Divorzju – Imma qabel biss bdejna niddiskutu l-Unjoni Ċivili u drittijiet oħrajn għal persuni LGBTIQ, kien hemm ir-referendum dwar id-divorzju. Kien dan l-ewwel test ta’ Muscat fl-għalqa ta’ dak li hu progressiv u aktar liberali. Muscat kien poġġa lilu nnifsu ma’ dawk favur, filwaqt li Gonzi ma’ dawk kontra. Dan ir-referendum li ntrebaħ mill-‘Iva’, anke jekk ma kienx politiku kien l-ewwel sinjal ċar li b’aġenda iktar liberali, anke jekk kontra forzi qawwijin, Muscat jista’ jirbaħ.

Dan ir-referendum ressaq aktar nies lejn il-PL, b’mod speċjali lil eks Deputat tal-PN Jeffrey Pullicino Orlando li llum huwa wieħed mill-akbar difensuri ta’ Muscat u Chairman tal-Esplora, lil Deborah Schembri eks Deputata Laburista u llum konsulent tal-Gvern kif ukoll lil Cyrus Engerer li kien ir-rappreżentant tal-PM fi Brussell.

  • L-aktar ekonomija li qed tikber – Fit-3 ta’ Mejju li għadda l-Kummissjoni Ewropea bassret illi l-ekonomija Maltija din is-sena u s-sena d-dieħla se tkun l-iktar waħda li tikber mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Ekonomija li qed tiġri tibqa’ l-akbar ass għal Muscat u l-iktar ħaġa li żżommu popolari. Bħalissa fil-pajjiż, anke fost dawk li ma jaslu qatt li jivvutaw lill-PL, teżisti sens ta’ aċċettazzjoni li l-ekonomija qed tikber, li hawn ħafna xogħol u li bħalissa huwa ż-żmien li wieħed jagħmel negozju jew ftit flus tajba. Dak li jifred lil-Laburisti min-Nazzjonalisti huwa iktar il-kwistjoni ta’ grazzi għal min qed nesperjenzaw dan it-tkabbir, jekk dan it-tkabbir huwa għat-tul u jekk il-Gvern hux qed jagħmel biżżejjed biex il-pajjiż ikun lest għal tnaqqis eventwali fit-tkabbir.
  • Presidenza, CHOGM u Valletta Summit – Anke jekk fil-fatt il-pajjiż ma rax xi benefiċċji tanġibbli immedjati dawn it-tliet avvenimenti poġġew lil Malta iktar fuq il-mappa, kif ukoll l-immaġini ta’ Muscat fuq livell Prim Ministerjali. Il-Presidenza politikament u fil-perċezzjoni pubblika, fissret illi Muscat tal-2003, il-ġurnalist u preżentatur favur il-‘Partnership’ sar xi ħaġa tal-passat. Muscat issa sar il-mexxej Ewropew u konvint li jidher jitħabbeb u jiddiskuti ma’ mexxejja Ewropej oħrajn, biċ-ċans li xi darba jittanta xortih ikun f’pożizzjoni għolja fl-UE.

Apparti li dawn l-avvenimenti poġġew lil Muscat fiċ-ċentru tal-attenzjoni, kienu wkoll test organizattiv li pajjiżna għadda minnu b’mod tajjeb ħafna.

  • Rikonċiljazzjoni ma’ Mintoff – Lura għal meta kien Kap tal-Oppożizzjoni Muscat kien reġa’ bena pontijiet mal-eks Mexxej u l-eks PM Dom Mintoff. Dan wara l-battalja bejn Mintoff u l-eks Mexxej Alfred Sant, li aljenat numru ta’ votanti Mintoffjani.

Id-dħul mill-ġdid ta’ Mintoff, rigwardat bħala figura kardinali fil-PL, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kien simboliku u għal ħafna Laburisti kienet ukoll storiku u emozjonanti.

  • Il-ftuħ u l-għeluq ta’ Power Station – Mill-proġetti li saru f’dawn il-ħames snin jew li huma għaddejin/ippjanati l-aktar mument b’saħħtu ta’ Muscat se jibqa’ l-għeluq u t-twaqqigħ ta’ Power Station li seħħ il-ġimgħa l-oħra u l-qalba għall-gass tal-Power Station ta’ Delimara. Lil hinn mill-kontroversji u l-akkużi (ara iktar ’l quddiem) it-twaqqigħ tal-Marsa kienet l-akbar proġett ambjentali fl-aħħar snin u l-qalba għall-gass kien pass ’il quddiem fis-settur tal-enerġija.

Il-proġett tal-Power Station marbut mal-wegħda li jitnaqqsu l-kontijiet, kienu ċentrali għar-rebħiet u anke l-kredibilità tal-Gvern ta’ Muscat.

  • L-aħħar diskors, elezzjoni 2017 – Bħal kull politiku, Muscat immatura fil-kariga. Tiftakruh l-ewwel diskors? Kien wieħed mimli teatralità u bi ftit sustanza. Illum, anke l-akbar Nazzjonalist jammetti li Muscat bena ħiliet ta’ oratrija impekkabbli.

Il-qofol tal-ħiliet fil-komunikattiva u l-konvinzjoni ta’ Muscat esebixxew ruħhom kollha fl-aħħar diskors tiegħu tal-kampanja elettorali tal-2017, fil-mass meeting ta’ Ħal Far. Kien bla dubju wieħed mill-aktar jekk mhux l-aktar diskors b’saħħtu li qatt ta’ Muscat f’dawn l-10 snin ta’ tmexxija.

 L-agħar mumenti ta’ Muscat 

  • Qtil Daphne Caruana Galizia – Il-Punt m’għandu x’jaqsam xejn ma’ jekk il-mandant kien jew ma kienx persuna fil-politika, jew saħansitra persuna fil-PL jew qrib tiegħu. Il-punt huwa li l-ebda PM ma jrid illi meta jkun PM hu tinqatel ġurnalista, b’mod speċjali ġurnalista illi l-persuna tagħha kienet tirrapreżenta l-akbar u l-eqqel oppożizzjoni għalih u għall-partit li jmexxi.

Mal-ewwel ftit minuti wara l-aħbar li fil-fatt fil-karozza li splodiet kien hemm Daphne, dawk li jsegwu l-politika mill-ewwel intebħu li dan se jkun piż qawwi fuq Muscat u anke jekk mingħajr provi se jkun hemm min se jdawwar il-kanuni kollha fuqu u fuq il-PL, kif fil-fatt ġara.

Il-qtil ta’ Daphne tefa’ sħaba sewda fuq il-pajjiż u anke fuq Muscat. Tat lill-kritiċi ta’ Muscat aktar għodda u riħ fil-poppa biex jikkritikawh u jpoġġuh f’kantuniera.

Il-qtil ta’ Daphne, jibqa’ tebgħa u allura huwa fl-interess tiegħu li qabel ma jinżel mill-poter, ikun ikkonfermat min qatilha u min kien il-mandant.

  • Egrant – Il-kumpanija fil-Panama, Egrant Inc. tibqa’ sinonima mal-battalja bejn Muscat/Gvern Laburista u Daphne Caruana Galizia. Immontata tajjeb biżżejjed biex timmassimizza l-ħsara politika u maħduma bizzilla ma’ kampanja politika mmexxija mill-PN u li inċitat l-arrest ta’ PM, dik ta’ Egrant tibqa’ l-aktar akkuża taħraq u l-aktar waħda kkontestata miż-żewġ naħat.

L-allegazzjoni li Egrant hija ta’ Michelle Muscat u li minnha għaddew mal-$1 miljun mit-tifla tal-mexxej tal-Ażerbajġan, żergħet id-dubju f’Muscat. Il-PM fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet kien jidher skomdu u rrabjat għall-aħħar, sentiment li naturalment kien trażmess. Kif kien trażmess il-messaġġ tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil li kien pass biss ’il bogħod milli jsejjaħ għal kolp ta’ stat.

Kien mument politiku ikrah u mimli tensjoni għall-pajjiż, li għen mhux ftit biex l-elezzjoni saret sena kmieni.

  • Kontijiet fil-Panama – Il-kwistjoni tal-kontijiet fil-Panama (Hearneville, Egrant u Tillgate) kienu u għadhom tema rikorrenti u wġigħ ta’ ras għall-Gvern li jmexxi Muscat. Għal darb’oħra l-aġent tal-istorja kienet Daphne Caruana Galizia u l-istorja bdiet b’kumpanija fil-Panama li l-Ministru Konrad Mizzi ma ddikjarax. Wara kienet żvelata wkoll kumpanija taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri.

Minkejja li sal-ġurnata tal-lum qatt ma nġabet prova li flus fil-fatt daħlu fil-kumpaniji rispettivi ta’ Schembri u Mizzi (L-iżvelar ta’ flus f’17 Black huma l-eqreb, imma pass ’il bogħod minn definittivi) l-eżistenza tal-kontijiet xorta qajmu urugan politiku kbir. Dan għaliex l-eżistenza tal-kontijiet fetħu beraħ il-bibien tal-ispekulazzjoni u dubji dwar l-integrità u l-intenzjonijiet ta’ min fetaħhom.

L-akbar kritika diretta lejn Muscat tibqa’ li dan ma talabx għar-riżenja tagħhom u għalhekk kull darba li jqumu aktar dubji, il-ballun jerġa’ jispiċċa f’saqajn il-PM.

Lura fi Frar 2016, l-iżvelar ta’ dawn il-kontijiet ma setax kien mument tajjeb għal Muscat. Probabilment kien jaf x’burraxka kienet ġejja.

  • Jitlef żewġ membri tal-kabinett – Żewġ mumenti partikolari huwa meta Muscat kellu jitlef żewġ membri tal-kabinett tiegħu. Il-każ tal-eks Ministru Manuel Mallia qajjem interess qawwi minħabba d-drammatiċità tiegħu. Kien mument imbarazzanti għal Mallia, diġà kkritikat għal diversi deċiżjonijiet, u aktar u aktar għal Muscat li għal mumenti deher sfidat minn Mallia (Mallia kkontesta talbiet għal riżenja u dejjem insista l-innoċenza tiegħu).

Mument ieħor xejn pjaċevoli kien meta Muscat kellu jitlob lil dak li kkontesta l-kariga ta’ tmexxija miegħu, Michael Falzon, biex jirreżenja wara l-każ Gaffarena. Dan il-każ ta’ esproprijazzjoni wkoll qajjem ħafna għagħa, għalkemm Falzon dejjem insista l-innoċenza tiegħu u bħal Mallia kkontesta wkoll il-bżonn li hu jirreżenja.

  • Tal-VGH ibigħu... – Frisk minn rebħa elettorali l-aħħar ħaġa li kellu aptit Muscat huwa li jerġa’ jinfetaħ il-kapitlu VGH. Imma nfetaħ. It-tħabbira li l-VGH kienu se jbigħu l-konċessjoni, reġgħet fetħet il-kwistjoni kollha dwar il-ftehim biex il-VGH ħadu tliet sptarijiet f’idejhom. Din il-gazzetta u diversi oħrajn ippubblikaw diversi artikli li kienu juru problemi finanzjarji, kuntratturi li kienu għadhom ma tħallsux u dettalji mill-partijiet differenti tal-kuntratt li baqgħu qatt ma kienu ppubblikati.

Din il-kwistjoni reġgħet qajmet il-kwistjoni tat-trasparenza u d-dubji fil-mod kif jopera l-Gvern. Probabilment serviet ukoll biex il-Gvern inaqqas xi ftit mill-popolarità għal xi żmien.

  • Jitlaq Godfrey bi kliem iebes... – Muscat sab reżistenza minn Marlene Farrugia kważi tul il-leġiżlatura kollha, imma Godfrey baqa’ jidher li qed jappoġġja lil Muscat. Ir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia b’ittra pjuttost dannuża u f’mument sensittiv ħafna (erbat ijiem qabel tħabbret l-elezzjoni) għalkemm wieħed jista’ jargumenta li ma ħalliet ebda effett elettorali, xorta nifdet u dehret bħala stallett ikrah f’dahar Muscat. Xi ħaġa li naturalment l-Oppożizzjoni Nazzjonalista użat għall-akbar vantaġġ tagħha.

Godfrey u Marlene Farrugia jibqgħu l-aktar tnejn min-nies li kienu fil-PL u li rreżistew lil Muscat b’mod apert. Għalkemm Muscat rebaħ, in-Nazzjonalisti u votanti tal-Partit Demokratiku, xorta għoġobhom jeleġġu lil Godfrey u Marlene biex jibqgħu xi ftit ta’ skalda għal Muscat għal ħames snin oħra.

More in Politika