Tliet Sindki jfakkru illi huwa dmir tal-Gvern li jinforza l-liġijiet

Is-Sindki ta' Tas-Sliema, San Ġiljan u Swieqi jappellaw għall-prudenza u l-ordni fid-dawl ta' xogħol ta' kostruzzjoni...

Is-Sindki tal-Kunsilli Lokali ta' San Ġiljan, Tas-Sliema u Swieqi f'isem il-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom appellaw għall-prudenza u l-ordni fil-lokalitajiet tagħhom fir-rigward tax-xogħol estensiv ta' bini li qed isir f'kull parti ta' dawn il-lokalitajiet.

Il-Kunsilli Lokali ta' dawn it-tlett lokalitajiet ħadu nota wkoll ta' dak li ġara ftit ġranet ilu fuq il-Kunsillier Jeremy Cardona u jfakkru li l-membri kollha tal-Kunsilli Lokali joffru lilhom infushom għas-servizz tar-residenti tagħhom mingħajr ebda ħlas jew interess personali ieħor. Għal dan il-għan jesiġu rispett sħiħ mill-pubbliku u protezzjoni mill-awtorijiet ċentrali.

Is-Sindki ta' San Ġiljan, Tas-Sliema u Swieqi fi stqarrija qali li jirrikonoxxu li numru ta' żviluppi speċjalment ta' bini mitluq jkompli jgħolli l-livell ta' dawn il-lokalitajiet u fl-istess ħin jipprovdi xogħol lil eluf ta' ħaddiema kif ukoll attività kummerċjali kbira relatata.

Madankollu, l-Kunsilli Lokali qalu li se jkomplu "jesiġu bil-qawwa kollha li x-xogħol kollu għandu jsir f'konformità mal-liġijiet u l-permessi maħruġa mill-awtoritajiet. Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi u għalhekk kulħadd irid jimxi mal-liġijiet kemm tal-pajjiż kif ukoll dawk lokali. Dawn ix-xogħolijiet iridu jsiru wkoll b'rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-lokalitajiet. Kull kuntrattur huwa mitlub u mistenni li jimminimizza l-inkonvenjent sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jkomplu jgħixu f'darhom b'mod sigur."

"Huwa d-dmir tal-Gvern Ċentrali li jinforza b'kull mod u jassigura li l-liġijiet jiġu mħarsa fl-intier tagħhom. Minkejja li l-Kunsilli Lokali joħorġu l-permessi, m'għandhomx il-mekkaniżmu sabiex jagħmlu l-infurzar."

Fl-ahharnett, is-Sindki tal-lokalitajiet ta' San Ġiljan, Tas-Sliema u s-Swieqi qed jikkonfermaw li llum ser jkunu qed jattendu għall-protesta li se tiġi organizzata fil-Gżira dwar l-illegalitajiet li qed iseħħu kuljum minn uħud mill-kuntratturi tal-bini.

 

More in Politika