Opinjoni | Kontijiet aktar spissi u aktar għoljin
Meta l-Partit Nazzjonalista stqarr li ser ikun partit pożittiv b’mod ġdid ta’ kif issir il-politika, bla dubju ta’ xejn ma kienx qiegħed jgħid li ser ikun xi partit sieket li jgħid iva għal kollox...
minn David Agius / Angelo Micallef
Meta l-Partit Nazzjonalista stqarr li ser ikun partit pożittiv b’mod ġdid ta’ kif issir il-politika, bla dubju ta’ xejn ma kienx qiegħed jgħid li ser ikun xi partit sieket li jgħid iva għal kollox. Anzi, bil-maqlub, kien il-wegħda li l-Partit Nazzjonalista ser ikun partit proattiv li permezz tal-ħidma tiegħu anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni ser jassigura li jkun partit li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Partit tan-nies, qalb in-nies, li jissielet fl-aħjar interess tan-nies.
Huwa mingħajr ebda dubju li huwa fl-aħjar interess ta’ kull konsumatur Malti li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jinħadmu skont kif titlob il-liġi. Huwa bla dubju ta’ xejn kontra l-interess ta’ kull konsumatur jekk l-Arms Limited titħalla tibdel il-mod kif jiġu kkalkulati l-kontijiet, u dan bi ksur sfaċċat tal-liġi, f’mossa għal kontijiet aktar spissi u aktar għoljin.
Il-liġi ta’ Malta taqsam it-tariffi tad-dawl u l-ilma f’kategoriji (brackets) bi prezzijiet differenti. Aktar ma wieħed juża dawl jew ilma aktar iħallas b’rata għolja fuq il-konsum żejjed. L-istess liġi tgħid li l-kalkolu għandu jsir mhux xahar b’xahar imma fuq bażi ta’ sena. Huwa propju hawn fejn l-Arms qiegħda tpoġġi lill-konsumatur fi żvantaġġ kbir, jiġifieri billi minflok fuq bażi ta’ sena qiegħda timxi fuq bażi perjodika.
Effettivament li qiegħed ifisser dan huwa li dawk ix-xhur fejn il-konsum huwa baxx mhumiex qegħdin ipattu għal dawk ix-xhur fejn il-konsum ikun aktar għoli; kif kien jiġri qabel u kif huwa maħsub fil-liġi. Fuq livell prattiku dan ifisser li l-konsumatur qiegħed jispiċċa jħallas ir-rati aktar għolja anke jekk fuq bażi ta’ sena ma kkonsmax biżżejjed dawl jew ilma sabiex jidħol f’dawk il-brackets.
Huwa bla dubju ta’ xejn kontra l-interess ta’ kull konsumatur jekk l-Arms Limited titħalla tibdel il-mod kif jiġu kkalkulati l-kontijiet, u dan bi ksur sfaċċat tal-liġi, f’mossa għal kontijiet aktar spissi u aktar għoljin David Agius
Dan joħroġ mhux biss mir-riċerka li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, anke grazzi għal dawk kollha li qegħdin jisimgħu l-appell tal-Partit Nazzjonalista u jġibu l-kontijiet tagħhom id-Dar Ċentrali imma saħansitra mill-istatistika tal-Eurostat. It-tariffa stess, fiha nfisha, ilha ma tinbidel mis-sena 2014. Madankollu l-istatistika tal-Eurostat, li tkun mibnija fuq iċ-ċifri li jkun ipprovda l-Gvern Malti stess, turi li Malta kellha t-tielet l-ogħla żieda fil-prezz tad-dawl u l-ilma fl-Unjoni Ewropea. Ġaladarba ma kienx hemm bidla fit-tariffa, mela allura ż-żieda minn fejn ġejja?
Fih innifsu dan il-fatt għandu jqajjem lill-Gvern min-ngħasa li qiegħed jieħu dwar din il-kwistjoni u jieħu azzjoni immedjata sabiex dan l-abbuż jieqaf illum qabel għada. Hawnhekk qed nitkellmu fuq żewġ servizzi fejn hemm monopolju u allura, aktar u aktar, hemm bżonn ta’ sens qawwi ta’ sorveljanza sabiex kull abbuż jiġi eliminat.
Jekk il-Gvern huwa kuntent jibqa’ ċass u jħalli lill-Maltin u Għawdxin iħallsu flus mhux dovuti, il-Partit Nazzjonalista mhux lest jibqa’ ċass quddiem din l-inġustizzja. Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista beda bl-ewwel passi konkreti. Talab lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-ilma, lill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju tal-Konsumatur sabiex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi kollha li tippermetti l-liġi sabiex dan l-abbuż jieqaf.
Jekk il-Gvern huwa kuntent jibqa’ ċass u jħalli lill-Maltin u Għawdxin iħallsu flus mhux dovuti, il-Partit Nazzjonalista mhux lest jibqa’ ċass quddiem din l-inġustizzja David Agius
Is-skiet tal-Gvern mhux ser jaqta’ qalb il-Partit Nazzjonalista. L-anqas it-tidwir tal-kliem mill-media Laburista mhu ser iwassal sabiex il-Partit Nazzjonalista jaqta’ qalbu.
Bħalma jgħid tant tajjeb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha, li ma jimpurtahiex biss min-numru u mill-istatistika imma soċjetà li jimpurtaha min-nies. Huwa dan l-ispirtu li ser ikompli jsaħħaħ id-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jara li llum jew għada l-ġustizzja sseħħ, jieqaf dan is-serq sfaċċat u min ġie misruq jerġa’ jingħata lura dak li nsteraq. Din mhijiex kwistjoni ta’ politika partiġġjana; din mhix xi ġlieda tal-kuluri; din hija ġlieda għal interess tal-konsumatur Malti u Għawdxi li għandu bi dritt jistenna li l-interessi tiegħu jiġu salvagwardjati.