Matul il-lejl grupp ta' persuni magħrufin bħala #Reżistenza waħħlu plakka mal-monument tal-Indipendenza illi fiha hemm miktub li Malta saret tat lilha nnifisha lilll-Ażerbajġan. Il-plakka tallega illi l-pajjiż qed jitmexxa mnn El Kasco, f'referenza għal Keith Schembri, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Taħt hemm id-data ta' meta saret iż-żjara fl-Ażerbajġan tal-PM Muscat illi għaliha l-midja ma kinitx mistiedna, lura fl-2014.
Dan huwa eku tal-istqarrija ta' MEP li fid-dibattitu dwar l-iskemi ta' ċittadinanza, li sar ġimgħatejn ilu, qal illi Malta saret qisha repubblika tal-Ażerbajġan.
Fi stqarrija #Reżistenza qalu li ma kienx fl-interess ta' pajjiżna li l-Gvern jidħol f'arranġament ta' 18-il sena u jkun obbligat jixtri l-gass mill-Ażerbajġan, mill-kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istat, minflok xtara mill-ewwel mis-sors. "Għalfejn Gasol kien involut? Kemm għamlet flus mill-bejgħ tal-ishma tal-Electrogas?" staqsa l-grupp.
"Huwa evidenti li l-Gvern Malti qed jieħu deċiżjonijet li mhumiex fl-interess nazzjonali," sostna l-grupp ta' persuni li huma anonimi. Filwaqt li staqsew min vera qed imexxi lil Malta, allegaw illi f'pajjiżna llum "l-impunità saret l-ordni tal-ġurnata."
"Hemm wisq mistoqsijiet mingħajr tweġibiet," sostnew #Reżistenza.