L-FIAU qed tkun investigata dwar il-Pilatus

  • L-Awtorità Bankarja Ewropea tinvestiga lill-FIAU dwar l-impożizzjoni ta' proċeduri kontra l-ħasil tal-flus fil-Bank Pilatus
  • L-FIAU twieġeb u tinsab kommessa li turi illi ma kisret ebda direttiva

Ali Sadr Hasheminejad
Ali Sadr Hasheminejad

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) se tkun qed tinvestiga l-Financial Intelligence Analysis Uit (FIAU) u s-superviżjoni tagħha tal-Bank Pilatus. L-EBA qalet li jidher illi l-FIAU ma żguratx li l-Bank Pilatus jkollu proċeduri adegwati kontra l-ħasil tal-flus. 

Hija qalet li dan, flimkien mal-argument illi l-FIAU qatt ma imponiet sanzjonijiet fuq il-bank, jidher li jista' jkun ksur tad-Direttiva Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus. 

Intant l-FIAU qalet illi tinsab kommessa biex taqsam l-evidenza tal-każ mal-EBA u turi illi fil-fatt ma kisret l-ebda direttiva. Id-Direttur tal-FIAU fakkar illi l-FIAU kienet ilha ssegwi l-bank minn meta kien hemm tħassib, lura fl-2015. Fakkar kif l-FIAU wettqet diversi spezzjonijiet u superviżjoni kontinwa. Hija qalet ukoll illi għaddejja b'eżerċizzju magħmul minn terzi "biex nibnu stampa definittiva u komprensiva ta' x'ġara fil-Bank."

Is-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti fejn qed ikun akkużat illi fetaħ kumpaniji li servew ta' mezz biex jaħbi l-identità tiegħu u tas-sehem Iranjan fin-negozju. Dan ifisser illi hu qed ikun akkużat li kiser il-liġi għax mar kontra s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fuq l-Iran u negozju/negozjanti minn dan il-pajjiż.

Hasheminejad jista' jeħel għomru l-ħabs jekk jinstab li hu ħati fuq kull akkuża kontrieh. 

More in Politika