"L-ahbar li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) qed tinvestiga l-FIAU hija daqqa ta' ħarta kbira għar-reputazzjoni ta' Malta. Il-Gvern mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex ir-reputazzjoni li n-nies ħadmu għalih tiġi mħarsa kif xieraq biex ma jintilfux xogħlijiet f'dan is-settur." Hekk sostna l-Kelliem għall-Governanza tal-PN Simon Busuttil li fakkar illi l-FIAU mhix l-unika awtorità f'Malta li tinsab taħt investigazzjoni mill-EBA, "l-MFSA ukoll tinsab taħt investigazzjoni minħabba l-bank Pilatus. L-FIAU naqset milli tieħu passi serji fil-konfront ta' bank Pilatus, li ċ-chairman ta' dan il-bank Ali Sadr jinsab akkużat fl-Istati Uniti b'rabta ma' allegat ħasil ta' flus. In-nuqqasijiet li wasslu għal dawn l-investigazzjonijiet saru taħt il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-bank Pilatus ingħata l-liċenzja biex jaħdem f'Malta taħt il-Ministru Scicluna."
Fi stqarrija mal-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario De Marco, hu qal li l-FIAU mhix l-unika awtorità li naqset minn dmirha f'dan il-każ, "l-Avukat Ġenerali seta' joħroġ investigation order u l-Kummissarju tal-Pulizija seta' investiga permezz tal-Economic Crimes Unit."
"L-eksKummissarju tal-Pulizija Michael Cassar irriżenja ġranet wara r-rapport tal-FIAU dwar il-bank Pilatus u l-eksDirettur tal-FIAU Manfred Galdes irriżenja ftit tal-ġimgħat wara li r-rapport ingħata lill-Pulizija. Tkeċċa wkoll l-Ispettur Jonathon Ferris mill-FIAU, li l-Ministru Scicluna baqa' jirrifjuta li jgħid jekk kellux rwol fit-tkeċċija tiegħu."
Busuttil u De Marco qal li l-Ministru Scicluna huwa l-ewwel Ministru tal-Finanzi illi taħtu, "qed jiġu investigati awtoritajiet li huwa politikament responsabbli għalihom mill-EBA."