Titpoġġa taħt pressjoni r-relazzjoni bejn Malta u l-Italja

Għalissa l-Gvern se jistenna biex jara kif se tiżvolġi l-kwistjoni tal-immigrazzjoni bejn Malta u Salvini

Id-dgħajjes bl-immigranti jistgħu jerġgħu jsiru xi ħaġa tal-preżent jekk ir-rettorika ta’ Salvini, il-Ministru Taljan tal-Intern il-ġdid, iżomm kelmtu u mir-rettorika jgħaddi għall-fatti.

Wara akkużi nhar il-Ġimgħa filgħaxija minn Salvini stess illi Malta ma tatx assistenza lil dgħajsa b’110 immigranti fuqha u wara li l-istess Salvini għalaq il-portijiet Taljani u qed jinsisti li Malta tilqa' dgħajsa b'629 immigrant li jinsabu bejn sema u ilma, il-gazzetta ILLUM staqsiet dan kollu xi jfisser għal pajjiżna u għar-relazzjonijiet tagħna mal-Italja. Staqsejna wkoll x’se jiġri mill-ftehim jew arranġament li bosta jgħidu illi seta’ kien hemm bejn pajjiżna u l-Italja fir-rigward tas-salvataġġ tal-immigranti.

Sors viċin il-Gvern qal lill-ILLUM li l-Gvern qed jadotta attitudni ta’ ‘nistennew u naraw’ fuq il-kwistjoni kollha tal-immigrazzjoni. “Għalissa ma nafux x’se jiġri, kollox ‘wait and see’. Imma dwar ftehim, nerġgħu insostnu li aħna qatt m’għamilna ftehim mal-Italja, hemm biss qbil (‘understanding’) li aħna nintervjenu f’każ fejn ikun hemm biża’ ta’ telf ta’ ħajja. Imma jekk ikunu fl-ibħra Taljani jeħduhom it-Taljani.”

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi l-Gvern għalissa qed jittama li dak li qed jgħid Salvini huwa rettorika, mhux il-politika l-ġdida tal-Italja.

Intant, ilbieraħ filgħaxija, f'kuntatt mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-Prim Ministru Malti għamilha ċara li Malta qed timxi mal-liġijiet internazzjonali u għalhekk mhux se taċċetta d-dgħajsa bl-immigranti, ġaladarba dawn ġew salvati viċin il-port ta' Lampedusa. Fi stqarrija, il-Gvern insista li Muscat għamilha ċara li Malta dejjem kienet lesta biex tgħin f evakwazzjonijiet ta’ emerġenza medika għal raġunijiet umanitarji.

Intant, ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qabel ukoll mal-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern Malti dwar din il-kwistjoni u appella lill-Gvern biex iżomm sod.

Pajjiżna ilu ma jesperjenza wasliet ta’ dgħajjes b’immigranti, xi ħaġa li minkejja ċaħdiet mill-Gvern, hemm min jattribwixxi għal ftehim sigriet bejn pajjiżna u l-Italja. Minkejja dan sorsi oħrajn li tkellmu ma’ din il-gazzetta u anke l-eks Ministru tal-Intern Carmelo Abela qalu li l-immigranti xorta baqgħu jiġu pajjiżna, imma b’mezzi oħrajn fosthom bl-ajruplan, jew inkella permezz ta’ dgħajjes jew katamaran.

Salvini, li huwa wkoll il-mexxej tal-partit lemini Lega, qal illi Malta ma tistax tibqa’ dejjem tgħid le għall-immigranti u fakkar kif “il-Mulej poġġa lil Malta eqreb lejn l-Afrika milli Sqallija.” F’Como huwa sostna li diversi għaqdiet non governattivi (NGOs) ma jistgħux jibqgħu jservu ta’ taxi għall-immigranti. 

Is-sorsi viċin il-Gvern li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi t-tama ta’ Malta hija li din darba ma jidhirx li se jkun hemm qbil bejn il-partiti fuq din il-kwistjoni u allura n-nuqqas ta’ appoġġ li jkollu Salvini jista’ jdgħajfu xi ftit.

Ma’ din il-gazzetta diversi persuni midħla sew tal-Italja jew tar-relazzjonijiet internazzjonali kienu esprimew tħassib għal dak li jista’ jfisser il-Gvern ta’ Giuseppe Conte għal pajjiżna. L-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella kien saħaq li mingħajr dubju l-politika tal-Gvern Taljan se tħalli impatt dirett fuq Malta. “Irridu nxammru l-kmiem,” sostna Vella, filwaqt li l-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li d-dikjarazzjonijiet ta’ Salvini ma tantx jawguraw tajjeb għal Malta.

U politikament dan x’jista’ jfisser għal Muscat?

Minn lenti purament politika, jekk Salvini ‘jissiġilla’ l-fruntieri kif qed jgħid li se jagħmel u jibgħat lill-immigranti lura, il-PM Muscat jista’ jkun li jiffaċċja l-akbar sfida tiegħu bħala Prim Ministru. Dan minħabba żieda fil-wasliet tal-immigranti u minħabba li l-wasliet (kuntrarjament għal dak li qed jiġri preżentement) ikunu ħafna aktar fid-deher. Dan ifisser illi din il-kwistjoni tista’ terġa’ titla’ fuq nett tal-aġenda politika, nazzjonali.

Fid-dawl ta’ stqarrija mill-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà (FEA) f’Marzu li għadda illi mill-2013 ġew pajjiżna 87,000 ħaddiem barrani u li sal-2021 se jkunu ġew 80,000 oħra, kif ukoll fid-dawl ta’ stqarrija tal-Malta Employers Association li b’ħaddiema barranin il-popolazzjoni f’Malta tista tilħaq is-700,000, influss ta’ wasliet bid-dgħajjes jista’ jirrendi l-għajta ta’ Muscat għall-pajjiż kożmopolitan, waħda xejn popolari. Dan apparti t-toqol dejjem jikber li jkun qed jintefa’ fuq is-servizzi u fuq l-infrastruttura ta’ pajjiża.

Inċidentalment dan iċ-ċaqliq fir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja, jiġi eżatt mal-ippubblikar ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għamlet il-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna. Fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, il-Ħadd li għadda kien żvelat kif ftit inqas minn kwart tal-poplazzjoni, jew 24.3% huma mħassbin dwar l-immigrazzjoni jew inkella l-barranin f’Malta.

Ta’ inkwiet għal Muscat huwa li 69% minn dawk kollha li huma inkwetati minħabba l-barranin jew l-immigranti huma Laburisti jew ivvutaw PL fl-aħħar elezzjoni. Fil-fatt mistoqsijin x’jinkwetahom l-aktar fil-pajjiż bħalissa, 11.9% tal-parteċipanti fl-istħarriġ qalu ‘l-immigranti’ (9% minnhom ivvutaw PL fl-2013 u 2.9% ivvutaw PN) u 12.4% qalu l-‘barranin’ (7.8% ivvutaw lill-PL fl-2013 u 4.6% ivvutaw PN).

Il-pożizzjoni preżenti tal-bastiment Aquarius
Il-pożizzjoni preżenti tal-bastiment Aquarius

More in Politika