Il-Ministru Taljan tal-Infrasturttura Danilo Toninelli qal illi jekk Malta mhix kapaċi tieħu ħsieb iż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ (SAR) din għandha tgħaddi għand it-Taljani.
Toninelli li ġej mill-Partit Cinque Stelle qal lill-ġurnalisti Taljani illi l-Maltin "jirċievu ħafna fondi biex jamministraw is-SAR, imma din qed tkun mgħassa mit-Taljani."
"Jekk il-Maltin mhux kapaċi jieħdu ħsieb u jgħassu, għandhom ibiddlu r-reġjun SAR tagħhom u nieħduh aħna, inkluż il-fondi pubbliċi li jiġu mar-reġjun."
Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar id-daqs ta' pajjiżna u jekk Malta tiflaħx għal aktar persuni deħlin hawn. Wara Salvini, dan huwa t-tieni Ministru li fetaħha kontra Malta fid-dawl ta' dgħajsa b'600 immigrant li Malta m'aċċettatx li tieħu mingħand it-Taljani, meta legalment kellu jkun il-Gvern Taljan li jeħodhom.
Intant dalgħodu żbarkaw fi Sqallija madwar 900 immigrant.
Bla bażi politika u legali...
Intant il-Gvern qal illi l-argument ta' Toninelli m'għandu l-ebda bażi politika u legali u turi li l-Ministru huwa miżinformat, jew inkella jrid joħloq kwistjoni bla sens.
Il-Gvern fi stqarrija għamilha ċara li Malta taqdi l-obligazzjonijiet tagħha u hija konformi mal-konvenzjonijiet, li jinkludu l-obbligazzjonijiet fiż-żona tas-SAR. Il-Gvern fakksar kif Malta investiet miljuni fit-titjib ta' apparat u għandha il-mezzi kollha biex tikkordina din iż-żona.
Il-Gvern sostna li Malta qatt ma injorat każ wieħed, fejn intalbet li tagħti l-għajnuna.
Intant l-istqarrija fakkret illi l-ebda gvern ma jirċievi fondi biex jikkontrolla iż-żona SAR.