'Għażiż Owen, inti eżempju ħaj ta’ x’ġid nistgħu nagħmlu...'
Owen Vassallo jingħata l-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija
minn Albert Gauci Cunningham
Waqt li indirizzat lil dawk preżenti għaċ-ċerimonja ta’ Premjazzjoni tal-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi, li din is-sena ntrebaħ minn Owen Vassallo, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Owen qiegħed jikkonfermalna kemm nistgħu nagħmlu ġid lil ħaddieħor, anke b’inizjattivi li nwettqu waħidna.
Il-President stqarret li hija impressjonata bil-ħbiberija li Owen żviluppa ma’ sieħbu Jake – ħbiberija sinċiera ta’ appoġġ għal sieħbu, biex iħossu mhux biss inkluż fl-iskola iżda wkoll biex l-esperjenza tal-iskola tagħmlu żagħżugħ aktar ferħan u komplut.
Il-President appellat liż-żgħażagħ Maltin u ħeġġithom biex ikunu attivisti tal-inklużjoni, tal-ġustizzja, u tal-paċi fost il-ħbieb tagħhom, fil-familji tagħhom, biex il-komunitajiet tagħna jissaħħu, b’reżiljenza altruwista, sabiex “ngħixu f’ambjent fejn inħobbu aktar lil xulxin u nħossuna tassew maħbubin.”
“Irrid nappella liż-żgħażagħ ukoll biex jagħmlu miż-żgħożija tagħhom, żmien fil-ħajja tagħhom fejn l-esperjenzi, l-abbiltajiet u l-kwalitajiet tagħhom jużawhom biex joħolqu opportunitajiet ta’ fejda b’risq is-soċjetà li qed jgħixu fiha ħalli jibnu pajjiż li jkun tassew miftuħ għall-aspirazzjonijiet pożittivi u ta’ ġid sostenibbli”, tenniet il-President Coleiro Preca.
“Jien nemmen li l-ġenerazzjoni żagħżugħa f’pajjiżna għanda tkun voċifera, favur inizjattivi pożittivi u rispettużi biex niżviluppaw futur mimli ġid sostenibbli għal kull min qed jgħix f’pajjiżna”
Il-President qalet li l-messaġġ għal ħajja altruwistika, ta’ rispett, ta’ dinjità, ta’ inklużjoni, u ta’ ugwaljanza, jinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, u s-sbatax-il mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, li hija sistema ta’ valuri, b’sensiela ta’ oġġettivi biex id-dinja titħeġġeġ ħalli twettaq fil-prattika l-ġustizzja soċjali, u tibni dinja ta’ opportunitajiet ugwali billi tinkludi lir-razza umana kollha, u tħeġġeġ biex naħsbu f’xulxix ħalli jiġi assigurat li l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli.
Il-President Coleiro Preca tenniet li meta aħna naġixxu b’mod rispettuż u b’mod altruwistiku, bħalma jaġixxi Owen ma’ Jake, “aħna nkunu qiegħdin nuru kwalitajiet ta’ leadership b’saħħtu, li huma essenzjali għall-futur ta’ pajjiżna.”
“Nixtieq nħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jkunu xempji tas-solidarjetà, speċjalment ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna”
Il-President appellat liż-żgħażagħ biex ikunu kuraġġużi, u biex ma’ jiddejqux jagħtu l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom lil sħabhom, lil dawk li għaddejjin minn xi diffikultajiet, u anke fejn hemm bżonn nies li ma jafux, filwaqt li fakkrithom li l-isforzi tagħhom, u dak kollu li jagħmlu f’ħajjithom, iridu jibdewh bir-rispett, li huwa valur fundamentali għal demokrazija attiva, b’saħħitha, u parteċipattiva.
“Jekk aħna ma nkunux rispettużi, ma nkunux nistgħu noħolqu kultura ta’ paċi pożittiva u sostenibbli, u ġid ħolistiku, li huma pedamenti fundamentali għall-iżvilupp b’saħħtu tal-komunitajiet tagħna u ta’ pajjiżna,” stqarret il-President Coleiro Preca, filwaqt li inkoraġġiet lil-poplu Malti biex flimkien “naħsbu f’modi kif nuru l-imħabba u l-kompassjoni ma’ dawk li niltaqgħu magħhom, biex niżguraw li dawn ma’ jkunux iżolati, ma’ jkunux iddiskriminati, jew ma’ jkunux vittmi ta’ bullying u preġudizzji.”
Il-President raddet ħajr lil Patri Dijonisju Mintoff għall-ħidma sfiqa tiegħu matul is-snin, filwaqt li rringrazzjatu għall-viżjoni tiegħu, u għaliex dejjem kien champion tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.