'Se nibqgħu niġġieldu biex insalvaw lil pajjiżna maħtuf mill-ħallelin mafjużi' - Occupyjustice

....jgħidu li m'hawnx sigurtà għal min jazzarda jgħid kontra Joseph Muscat

Wieħed mill-messaġġi fuq is-Siġra tal-Ġustizzja
Wieħed mill-messaġġi fuq is-Siġra tal-Ġustizzja

'Siġra tal-Ġustizzja' ‘tħawlet’ quddiem il-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq is-Sibt wara nofsinhar b’ittri ta’ protesta bħala l-‘frott’ mill-friegħi tagħha. Is-siġra tħawlet tmien xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

#Occupyjustice qalu li “kulma fadlilna huma l-għeruq tal-ħażen”. #Occupyjustice hu grupp ta’ attivisti mmexxija minn nisa.

Huma fakkru li li qiegħdu s-siġra fejn kien hemm siġra tal-ballut li għexet tul it-Tieni Gwerra Dinjija "imma mietet taħt il-Ministru preżenti tal-ambjent."

#Occupyjustice qalu li “l-messaġġ tagħhom hu sempliċi: "Muscat, Schembri u Mizzi, għaliex ma tagħmlux bħas-siġra u titilqu ’l hemm?” L-attivisti tennew il-fehma tagħhom li s-sensiela twila ta’ provi dokumentati jġiegħlu lill-Prim Ministru u t-tnejn l-aktar qrib tiegħu jitilqu.

“Il-Prim Ministru jista’ jara din is-siġra kuljum mit-tieqa tal-uffiċju tiegħu u forsi jiftakar li l-Kap tal-Uffiċju tiegħu Keith Schembri u l-Ministru ewlieni tiegħu Konrad Mizzi bnew strutturi li jaħslu l-flus biex jirċievu tixħim illeċitu, waqt li hu qed jipproteġihom mill-post li suppost dawn l-affarijiet iwaqqafhom — Kastilja — għax kif inhu ċar jaqbel lilu,” qalu #Occupyjustice.

L-attivisti qalu li minn meta kienet assassinata Daphne Caruana Galizia, isem pajjiżna mar il-baħar.

“Din il-ġimgħa rajna lill-Kummissarju Ewropew titkellem fuq possibiltà ta’ proċeduri kontra Malta war ksur tal-liġijiet Ewropej. Rajna kif qorti f’Ateni effettivament iddikjara li Malta m’hawnx sigurtà għall-whistleblower Maria Efimova li jfisser li m'hawnx sigurtà għal min jazzarda jitkellem kontra Joseph Muscat.”

“Se nibqgħu niġġieldu biex insalvaw lil pajjiżna maħtuf mill-ħallelin mafjużi. Mhux se nistrieħu qabel issir ġustizzja”.

More in Politika