L-Avukat 'Pro-Life' Tonio Azzopardi preżenta proċeduri kostituzzjonali li permezz tagħhom qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li l-Att dwar l-Protezzjoni tal-Embrijun, kif issa ġie emendat, jikser id-dritt tal-embrijun għall-ħajja.
F'applikazzjoni Kostituzzjonali, Azzopardi qed jargumenta li skont is-sistema legali l-ħajja għandha tkun protetta mill-konċepiment , b'sentenza punibbli bi priġunerija f'każ illi ħajja tkun ipperikolata. "L-iffriżar tal-embrijun jikkostitwixxi ksur ċar tal-Artiklu 33 tal-Kostituzzjoni u Artiklu 2 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, għax qed jesponi l-ħajja tal-bniedem għal periklu ċar."
Jekk il-Qorti tilqa' din it-talba u tiddikjara l-liġi illegali, dan jista' jwassal biex il-Parlament ikollu jerġa jiddiskuti l-kwistjoni. Il-liġi kif emendata kienet approvata l-ġimgħa l-oħra, bid-Deputati Laburisti jivvutaw favur u dawk Nazzjonalisti kontra.
Azzopardi qal li dan l-att jammonta għal ksur tal-protezzjoni minn trattament degredanti u inuman....fis-sens li se jkun hemm banek awtorizzati tal-embrijuni b'telf ta' dinjità tal-persuna....l-iffriżar ta' ħames bajdiet, bi tlieta jispiċċaw iffriżati tnaqqas mid-dinjità, apparti li tpoġġiehom (l-embrijuni) fil-periklu."
L-Avukat Ġenerali, jfakkar Azzopardi, "bħala rappreżentant tal-Istat għandu l-obbligu li jiddefendi l-ħajja."
"Il-prokreazzjoni għandha sseħħ fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn raġel u mara biss. Il-kunċett ta' ġenituri waħedhom (single parents) li b'mod intenzjonat se jwelldu tfal li mhux se jkollhom omm jew missier mhux fl-interess tat-tfal u jikkostitwixxi trattament inuman u degredanti."
Huwa qal illi l-iffriżar tal-embrijun jista' jirriżulta, fi tfal li jitwieldu u li jkunu orfni, għaliex il-ġenituri jkunu mietu waqt li huma jkunu ffriżati.
Il-Gvern jinnota l-kawża kostituzzjonali li ppreżenta l-Avukat Tonio Azzopardi kontra l-abbozz ta’ liġi li se jsir vot dwarha iktar tard illum.
Il-Gvern jakkuża lil Azzopardi b'diskriminazzjoni...
Intant fi stqarrija l-Gvern qal li Azzopardi - bħala ċittadin li jgħix f’demokrazija taħdem - għandu kull dritt li jippreżenta kawża simili. "Madanakollu ta’ min wieħed jirrimarka li l-liġi li se tiġi approvata hi frott ta’ proċess demokratiku li beda minn elezzjoni ġenerali, wara diversi xhur ta’ konsultazzjoni u wara li l-liġi għaddiet minn diversi stadji parlamentari."
B'referenza għall-aħħar parti fejn Azzopardi tkellem dwar il-ġenituri waħedhom (ara aktar 'l fuq) il-Gvern qal li ma jistax jaċċetta kwalunkwe diskors simili li jweġġa’ lil kull ġenitur waħdu (single parents). Iktar minn hekk il-Gvern jiddisassoċja ruħu mill-mod kif bil-kawża tiegħu qed jgħid ukoll li, “Il-prokreazzjoni għandha sseħħ fil-kuntest ta’ relazzjonijiet bejn raġel u mara biss”. Din minnha nnifisha hi kawża diskriminatorja li tweġġa’ diversi persuni."
"Il-kawża kif inhi hi maħsuba biex twaqqaf iktar ommijiet u missirijiet milli jsiru ġenituri permezz ta’ proċess usa’ ta’ IVF li jilħaq iktar persuni li ma jistax ikollhom ulied."