Tkompli tinxtered l-imħabba fil-pajjiż; 'min għamel il-pjazza ħaqqu tir'

....Il-proġett tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid ikkritikat għax tneħħew is-siġar, persuna tgħid li min għamlu ħaqqu tir...

Il-Pjazza ta' Raħal Ġdid wara l-proġett | Ritratt meħud minn one.com.mt
Il-Pjazza ta' Raħal Ġdid wara l-proġett | Ritratt meħud minn one.com.mt

Il-Pjazza ta' Raħal Ġdid lesta. Min togħġbu kif ġiet u min le. Min jgħid li sar progress kbir bil-proġett u min qed jgħid li t-tneħħija tas-siġar hija għarukaża. 

Fost dawk li ma qablux kien hemm l-eks Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola li qal illi bit-tneħħija s-siġar 'qażżistu dinja'. S'hemmhekk kollox sew! Imma persuna taħt il-kumment ta' Cassola ħass il-bżonn li jgħid illi min għamel il-pjazza 'ħaqqu tir.' Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis irrisponda u qal illi minkejja dan il-kumment hu kien se jaħfer u wiegħed li se jkompli jaħdem favur din iż-żona tal-pajjiż fejn joħroġ. 

Imma l-kritika lejn il-proġett mingħajr is-siġar kbar li kien hemm ma waqfitx hemm. Cassola qal li issa din il-pjazza sempliċiment saret waħda tajba għal mass meeting, filwaqt li l-opinjonista Austin Sammut qal li t-tneħħija tas-siġar kienet xi ħaġa "mhux ċivilizzata, salvaġġa u bla qalb." Alfred Baldacchino staqsa x'qed jagħmlu l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru tal-Ambjent u jekk humiex qegħdin hemm biex japprovaw il-qerda tal-ambjent. 

Naturalment, minn naħa l-oħra, dawk li tkellmu taħt messaġġ li ħalla d-Deputat Silvio Parnis (li huwa wkoll minn Raħal Ġdid) faħħru l-proġett u sostnew li Cassola għandu jistenna s-siġar li tħawlu jikbru qabel jikkritika. Persuna prtikolari qalet hekk; 'Xi ġmiel ta' pjazza għandna Raħal Ġdid. Qed titkellmu fuq siġar li llum il-ġurnata jinsabu mwaħlin bnadi oħra f'Raħal Ġdid stess. Wieħed irid ukoll iżomm f'moħħu li s-siġar il-ġodda li hemm fil-Pjazza, iridu jieħdu l-ħin tagħhom biex jikbru..."

Din il-kwistjoni qed tqum hekk kif bħalissa għaddejja diskussjoni wkoll dwar it-triq li tagħti għar-Rabat u s-siġar li kien fil-post bl-aħħar rapporti dalgħodu fuq il-gazzetta oħt Maltatoday Midweek tgħid illi se jkunu 15-il siġra 'biss' li se jinqalgħu. Din hija t-tielet bidla f'temp ta' ġimgħa. 

More in Politika