Id-direttivi li ħabbret l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) aktar kmieni din il-ġimgħa u li fil-fatt żvela s-sit illum.com.mt, għalissa jinsabu ‘mdendlin’ hekk kif għaddejja rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħat, l-MUMN u l-Gvern. Is-sit illum.com.mt kien żvela kif l-MUMN ħabbret direttivi għall-membri tagħha fl-Isptarijiet kollha tal-pajjiż kif ukoll fid-djar tal-anzjani kollha, ċentri tas-saħħa u għall-infermieri li jagħtu servizz permezz tal-kura fil-komunità.
F’kumment mal-ILLUM Maria Cutajat, il-President tal-MUMN, qalet illi bħalissa biex kollox jimxi skont il-liġi għaddejja rikonċiljazzjoni li se tibqa’ għaddejja bejn nhar it-Tnejn u nhar il-Erbgħa. “Jekk jirriżultaw affarijiet pożittivi minn dan il-proċess, tajjeb,” qalet Cutajar li insistiet illi jekk le, l-MUMN għandha mandat biex nhar il-Ħamis li ġej tinforma lill-midja bis-sitwazzjoni u jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi għall-infermiera u l-qwiebel.
Id-direttivi qed isiru għall-infermieri u/jew qwiebel fl-Isptar Mater Dei, inkluż dawk li jaħdmu fl-Emerġenza u d-Dipartiment tal-Out Patietnts, l-Isptar Pawlu Boffa, fiċ-ċentri kollha tas-saħħa madwar il-pajjiż, fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fl-Isptar Monte Carmeli, San Vinċenz De Paule, il-Unit tal-Endeskopija u fit-teatri kollha tal-operazzjonijiet.
Mistoqsija x’inhi r-raġuni għaliex tħabbru dawn id-direttivi li diġà ġew ikkomunikati Cutajar qalet illi fir-reviżjoni ta’ ċerti salarji sezzjoni ta’ infermiera kienu se jitħallew barra. “Fuq din jidher li hemm il-potenzjal ta’ ċaqlieq minn naħa tal-Gvern. Imma hemm affarijiet oħrajn, l-aktar li nixtiequ lill-Gvern ikun aktar kuraġġuż fl-allowances li jagħti. L-infermiera baqgħu jaħdmu minkejja nuqqas ta’ riżorsa umana, jiġifieri fejn qabel pereżempju x-xogħol kien jinqasam bejn tlieta, illum qed jinqasam bejn tnejn.”
Cutajar fakkret illi l-proċess kollu biex ikun iffirmat ftehim settorjali ġdid ilu li beda mis-sena l-oħra, sakemm is-sit illum.com.mt fil-fatt żvela kif dawn in-negozjati waqgħu nhar il-15 ta’ Ġunju.
Fl-ittra lill-ħaddiema membri s-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea kien qal hekk: "Konna infurmajniekom li ġej sajf jaħraq u emmnuni se jkun sajf jaħraq ferm."
Intant f’kuntatt ma’ din il-gazzetta, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet illi għalissa l-Minsteru mhux se jikkumenta, għalkemm sostniet li huwa fiduċjuż li finalment se jkun qed jintlaħaq qbil.