L-ebda ftehim bejn il-Gvern u l-MUMN; Direttivi industrijali mill-Ħamis

...id-direttivi se jinfirxu fil-qasam kollu tas-saħħa madwar il-pajjiż

L-MUMN kienet saħqet li ġej 'sajf jaħraw' għall-infermiera
L-MUMN kienet saħqet li ġej 'sajf jaħraw' għall-infermiera

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qalet li min-nhar il-Ħamis li ġej, l-infermiera membri tagħha fl-isptarijiet kollha, fid-djar tal-anzjani kif ukoll fiċ-ċentri ta' kura fil-komunità, se jkunu qed isegwu direttivi industrijali li se jkunu qed jolqtu s-servizz kollha tas-saħħa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, l-MUMN saħqet li dawn id-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sakemm jintlaħaq ftehim finali settorjali u se tissospendi biss dawn id-direttivi kull meta tissejjaħ laqgħa.

Kien is-sit illum.com.mt li ħabbar dawn id-direttivi li tpoġġew għal ftit jiem fuq l-ixkaffa sakemm saret rikonċiljazzjoni bejn l-MUMN u l-Gvern li iżda ma ħalliet l-ebda riżultat.

Waqt il-konferenza, l-MUMN qalet li kienu erba' r-raġunijiet ewlenin li wasslu biex l-MUMN tieħu din id-deċiżjoni. Skont il-unjin dawn huma:

  • Il-fatt li l-iskema ta' irtirar kmieni tneħħiet minn fuq il-mejda tad-diskussjoni,
  • l-ammont tal-allowance għadu baxx ħafna,
  • numru ta' gradi ma ġewx indirizzati kif suppost fl-istruttura tas-salarji, u
  • punti oħra importanti ma ġewx indirizzati.

F’kumment mal-gazzetta ILLUM, Maria Cutajar, il-President tal-MUMN, fakkret li l-proċess kollu biex ikun iffirmat ftehim settorjali ġdid ilu li beda mis-sena l-oħra, sakemm is-sit illum.com.mt żvela kif dawn in-negozjati waqgħu nhar il-15 ta’ Ġunju.

F’kuntatt mal-istess gazzetta, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kienet qalet li l-Ministeru huwa fiduċjuż li finalment se jkun qed jintlaħaq qbil.

L-infermiera kienu ġew infurmati bid-direttivi permezz ta' ittra mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea, li kien qal hekk: "Konna infurmajniekom li ġej sajf jaħraq u emmnuni se jkun sajf jaħraq ferm."

Liema infermiera se jkunu qed isegwu d-direttivi?

Id-direttivi qed isiru għall-infermieri u/jew qwiebel fl-Isptar Mater Dei, inkluż dawk li jaħdmu fl-Emerġenza u d-Dipartiment tal-Out Patients, l-Isptar Pawlu Boffa, fiċ-ċentri kollha tas-saħħa madwar il-pajjiż, fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fl-Isptar Monte Carmeli, San Vinċenz De Paule, il-Unit tal-Endeskopija u fit-teatri kollha tal-operazzjonijiet.

Dan apparti l-infemiera, membri tal-MUMN, li jaħdmu fid-djar tal-anzjani.

Nuqqas ta' aktar minn 550 infermier

Waqt il-konferenza, il-unjin akkużat lill-Gvern li mhuwiex sensittiv għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-infermiera u saħqu li n-nuqqas ta' infermiera qed jaffettwa kuljum il-ħajja ta' ħafna nies.

Saħqet kif, bejn wieħed u ieħor, hawn nuqqas ta' 550 infermier inqas minn dak neċċessarju.

'Pazjenti jaħarbu u fil-periklu'

Il-Unjin qed tinsisti li dan in-nuqqas ta' infermiera, li hi tiddeskrivih bħala "allarmanti" qed ikollu impatt negattiv fuq il-pazjenti. Hija tat dawn l-eżempji:

  • Fl-isptar Monte Carmeli ma hemmx biżżejjed infermiera biżżejje biex joqogħdu l-ħin kollu mal-pazjenti bil-konsegwenza li jkollok pazjenti li jaħarbu u jkunu suġġett ta' periklu fuq saħithom,
  • Fl-ITU suppost ikun hemm infermier ma' kull pazjent. Din illum saret ħaġa rari. Hemm każi fejn kull infermier ikollu tliet pazjenti,
  • Fis-swali tal-operazzjonijiet hemm nuqqas ta' infermiera tant li qed jitħassru numru ta' operazzjonijiet fil-ġimgħa.
  • F'San Vinċenz de Paule hemm swali fejn bil-lejl ikun hemm infermier waħdu ma' 40 anzjan. 

"Ma nixtiqux inkomplu nesponu aktar fatti biex ma noħolqux allarm fost il-poplu," tkompli tgħid il-unjin.

'Se ninjoraw kwalunkwe mandat ta' inibizzjoni'

L-MUMN temmet twissi lill-Gvern li jekk ser jiġi sottomess fil-Qorti xi mandat ta' inibizzjoni, il-unjin se tkun qed tinjorah u se tkompli għaddejja bid-direttivi industrijali tagħha.

"L-ebda mandat mhu ser iwaqqafna. Ser nibqgħu għaddejin sakemm dak li hu tagħna niħduh bi dritt," temmet tisħaq il-unjin.

More in Politika