15-il operazzjoni kkanċellati kull ġimgħa minħabba nuqqas ta' infermieri

  • Colin Galea mill-MUMN jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala waħda ta’ ‘kriżi’
  • Is-CEO ta’ Mater Dei jgħid li n-numru ta’ operazzjonijiet kkanċellati baqa’ ‘stabbli’

L-MUMN, li l-ġimgħa li għaddiet ħabbret direttivi industrijali li se jolqtu lis-settur kollu tas-saħħa, qed issostni li s-sitwazzjoni tal-infermiera tinsab ‘fi kriżi’. Fil-fatt mal-gazzetta ILLUM kemm is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon kkonfermaw li qed ikunu kkanċellati numru ta’ operazzjonijiet kull ġimgħa, għad-detriment tal-pazjent.

Galea kkonferma li sforz in-nuqqas ta’ infermiera qed ikunu kkanċellati madwar 15-il operazzjoni fil-ġimgħa, jew inkella madwar 60 operazzjoni fix-xahar. Falzon, min-naħa l-oħra ta ċifra li hija aktar mid-doppju, fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei qal illi madwar 150 operazzjoni fix-xahar ikunu kkanċellati għalkemm din iċ-ċifra tinkludi wkoll operazzjonijiet li ma jsirux minħabba saħħet il-pazjent u għal raġunijiet oħrajn.

Mal-ILLUM Galea jisħaq li ċ-ċifra ta’ 60 operazzjoni kkanċellata fix-xahar “naslu għaliha għax l-infermiera tat-teatri tal-operazzjonijiet qed jaħdmu bejn 60 u 65 siegħa f’sahra. Kieku kellna, biex intik idea, naqtgħu s-sahra l-ammont ta’ operazzjonijiet li jkollhom ikunu kkanċellati jitrippla, jiġifieri minflok 15-il operazzjoni jkollhom jiġu kkanċellati mal-45 operazzjoni fil-ġimgħa, jew mal-180 fix-xahar.”

Is-sigħat bażiċi li jaħdem infermier huma 46 siegħa, jiġifieri bħalissa l-infermiera fit-teatri tal-operazzjonijiet qed jagħmlu bejn 14 u 19-il siegħa ta’ sahra.

“Dan l-ammont ta’ sigħat huwa legali, imma mbagħad ikollok burn out u n-nies jibdew jgħejjew.”

Kieku kellna, biex intik idea, naqtgħu s-sahra l-ammont ta’ operazzjonijiet li jkollhom ikunu kkanċellati jitrippla

Għal kull operazzjoni jeħtieġ ikun hemm erba’ infermiera.

Din il-ġimgħa, l-MUMN qalet illi n-nuqqas ta’ infermiera jlaħħaq il-550 madwar il-pajjiż. Fil-fatt l-unjin qed issostni li f’Mater Dei hemm nuqqas ta’ 188 infermier, San Vinċenz hemm nuqqas ta’ 132 infermier, Monte Carmeli hemm 62, l-Isptar tal-Kura tal-kanċer (SAMOK) hemm 28, Boffa hemm 16, fiċ-ċentri tas-saħħa hemm 26, fl-isptar ta’ Għawdex hemm nuqqas ta’ 86 infermier u Karin Grech hemm 21.

“Għandna kriżi,” insista Galea “u kieku ma niħdux il-kalkulazzjoni li użajna biex wasalna għal 550, li nħadmet fuq ratios ta’ 15-il sena ilu kieku probabilment insibu li qegħdin b’iktar minn hekk bin-nieqes.”

Min-naħa tiegħu l-kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon sostna illi minkejja li l-ammont ta’ 150 operazzjoni li qed ikunu kkanċellati “in-numru baqa’ stabbli matul is-snin.” Ammetta iżda li aktar kemm se tiżdied l-attività fl-isptar, “aktar se jkun hemm pressjoni.”

Galea spjega kif f’Monte Carmeli “suppost ikun hemm 26 infermier li jkun ‘constant watch’ u li allura li jkunu kontinwament hemmhekk għal dak kollu li jkollu bżonn il-pazjent. Minflok għandna 14, 12 jew ġieli saħansitra 10. Dan ifisser illi qed noperaw b’madwar 40% inqas milli suppost.”

Din il-ġimgħa l-MUMN ħabbret illi nhar il-Ħamis li ġej l-infermiera se jibdew isegwu direttivi li se jkunu qed jolqtu s-servizz kollu tas-saħħa, mill-Mater Dei, l-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar Karen Grech sad-djar tal-anzjani kollha u s-servizzi tal-kura fil-komunità.

Mal-ILLUM il-Ministeru tas-Saħħa kien wera t-tama li l-kwistjoni tkun solvuta u jintlaħaq ftehim dwar it-talbiet tal-MUMN għall-Ftehim Settorjali.  

 

More in Politika