L-MUMN sodisafatta bil-proposti tal-Gvern...jitwaqqfu id-direttivi

Madwar 3,300 infermiera u qwiebel se jieqfu mid-direttivi hekk kif il-Gvern ippreżenta proposti 'tajbin ħafna'...

Colin Galea, Segretarju Ġenerali MUMN
Colin Galea, Segretarju Ġenerali MUMN

Dan is-sit jinsab infurmat li d-direttivi li ħabbret li l-Unjin għall-Infermiera u Qwiebel (MUMN) aktar kmieni din il-ġimgħa se jitwaqqfu  wara li l-Gvern ressaq il-proposti tiegħu.

F'komunikat lill-ħaddiema membri is-Segretarju Ġenerali tal-unjin Colin Galea qal li d-direttivi li kienu mħabbrin aktar kmieni din il-ġimgħa se jitwaqqfu. Fil-fatt, fil-messaġġ tiegħu lill-membri Galea qal illi l-Gvern offra proposti "tajbin ħafna" bil-kwistjonijiet prinċipali li fuqhom tħabbru id-direttivi jkunu riżolti. 

Id-direttivi kienu tħabbru għall-infermiera u/jew qwiebel fl-Isptar Mater Dei, inkluż dawk li jaħdmu fl-Emerġenza u d-Dipartiment tal-Out Patients, l-Isptar Pawlu Boffa, fiċ-ċentri kollha tas-saħħa madwar il-pajjiż, fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fl-Isptar Monte Carmeli, San Vinċenz De Paule, il-Unit tal-Endeskopija u fit-teatri kollha tal-operazzjonijiet.

More in Politika