Fearne; 'Ħafna mill-problemi f'Monte Carmeli ġejjin minn amministrazzonijiet preċedenti'

Il-Ministru tas-Saħħa jirreaġixxi għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li jagħti stampa prekarja tal-Isptar Monte Carmeli....

Wara ġimgħa minn mindu r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-istat li fih jinsab l-Isptar Monte Carmeli kien ppublikat u wara diversi artikli, fosthom dak fuq il-gazzetta ILLUM dwar il-ħaddiema f'dan l-isptar, illum id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne rreaġixxa għar-rapport. 

Hu sostna illi l-Gvern se jibda jirriloka l-madwar 90 anzjan li lanqas biss suppost jinsabu f'dan l-isptar "biex innaqqsu mill-piż tal-isptar u b'hekk ikun jista' jiffoka biss fuq is-saħħa mentali."

 Fearne laqa' r-rapport għax skontu dak li semma' l-NAO,  il-Gvern diġa beda jaħdem fuqu. Huwa qal li l-problemi msemmijin fir-rapport huma 'antiki' u li ntirtu mhux ġodda. "Ilhom ġejjin snin twal, u huma sforz nuqqas ta' attenzjoni minn amministrazzjonijiet preċedenti."

Fearne qal li l-Gvern diġa beda jaħdem fuq wħud mill-problemi li jissemmew fir-rapport tal-NAO. Huwa qal ukoll illi l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa mentali mistennija tkun lesta sa Novembru, meta ssir konferenza nazzjonali dwar is-suġġett.

Intant nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM irrappurtat kif teżisti diżillużjoni kbira u sens ta' rassenjazzjoni fost il-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli, li jħossu illi l-affarijiet mhux se jitjiebu. Fil-fatt ir-rapport tal-NAO jgħid illi dan l-isptar għandu nuqqas ta' 233 ħaddiem, nuqqas li fil-fatt jeżisti fil-qasam kollu tas-saħħa. Ir-rapport jitkellem ukoll dwar nuqqas serju ta' sigurtà fid-daħla tal-Isptar u relazzjoni ħażina ħafna bejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni. 

Fearne qal illi l-istrateġija li se jħabbar il-Gvern se tkun ibbażata fuq it-tisħiħ tal-kura fil-komunita, sptar ġdid tas-saħħa mentali u xogħol strutturali fuq Mount Carmel. Hu qal li aktar ċentri se jinfetħu, speċjalment fit-tramuntana ta' Malta, filwaqt li qed issir ħidma biex aktar tobba tal-familja jkunu jistgħu jitrattaw kwistjonijiet ta' saħħa mentali. 

Hu ħabbar illi l-Gvern se jkun qiegħed iħabbar espressjoni ta' interess għal dawk l-għaqdiet non-governattivi li jixtiequ jkunu nvoluti fil-kura li se tingħata fi-komunità.

L-isptar il-ġdid tas-saħħa mentali se jkun jista' jIflaħ 100 pazjent u se jservi bħala faċilita' għas-saħħa mentali akuta. 

 

More in Politika