Ġlieda f'Tas Sliema tħalli tliet irġiel Żvediżi feruti

...allegatament kienu aggrediti minn Libjan u persuna oħra li n-nazzjonalità tagħha għadha mhux magħrufa

Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tat-8:30 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq Ġorġ Borġ Olivier, Tas-Sliema.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li għal xi raġuni kien qam argument bejn ħamest irġiel u li tlieta minnhom sofrew xi ġrieħi. Jidher li t-tlett irġiel feruti, li huma kollha Żvediżi u għandhom 32 sena, allegatament kienu aggrediti minn raġel Libjan ta’ 36 sena u persuna oħra li l-identita` tagħha għadha mhux magħrufa.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet wieħed mill-Iżvediżi għall-kura l-Isptar Mater Dei , fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li t-tnejn l-oħra weġġgħu ħafif.

Ir-raġel Libjan ġie arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fis-Swie qi u għadu qiegħed jinżamm għall-iktar stħarriġ.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.

 

More in Politika