Analiżi | ‘Monako oħra fil-Mediterran’... ‘viżjoni’ analizzata
Sandro Chetcuti tal-MDA jara f’Monako, id-destin ta’ Malta. Imma Monako u Malta huma simili? Il-gazzetta ILLUM tqabbel l-ekonomija, id-demokrazija, il-prezzijiet, il-pagi, ir-reliġjon u l-immigrazzjoni fiż-żewġ pajjiżi...
minn Albert Gauci Cunningham
Ġimagħtejn ilu mal-gazzetta oħt Maltatoday, il-President tal-Malta Developers’ Association (MDA) Sandro Chetcuti sostna illi t-triq kważi inevitabbli għal Malta hija li ssir ‘Monako fil-Mediterran’. Din mhux l-ewwel darba li xi ħadd stqarr ambizzjoni li pajjiżna jkun bħal pajjiż ieħor. Fis-60ijiet kienu jgħidu li Malta tista’ ssir bħal Singapor fil-Mediterran, fid-90ijiet il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant kien ħareġ bl-għajta ta’ ‘Malta bħala Żvizzera fil-Mediterran’, il-PM Joseph Muscat xebbah lil Malta ma’ ‘oażi’ simili għal Dubaj u issa Chetcuti qed jgħid li Malta għandha ssir ‘Monako fil-Mediterran’.
Lil hinn mill-opinjoni din il-gazzetta tat ħarsa lejn il-karatteristiċi demokratiċi, demografiċi, kulturali u storiċi ta’ Monako kif ukoll lejn il-livell tal-għixien tal-pajjiż permezz tal-prezzijiet u pagi. Dawn imbagħad qed inqabbluhom mal-fatti dwar Malta biex naraw jekk fil-fatt iż-żewġ pajjiżi humiex simili, fiex huma simili u fiex huma kompletament differenti.
It-tnejn ‘Kattoliċi’, imma....
Kemm f’Monako kif ukoll f’Malta r-reliġjon uffiċjali u allura l-aktar reliġjon prattikata hija dik Kattolika.
Minkejja dan, Malta hija ħafna u ħafna aktar avvanzata fejn jidħlu d-drittijiet għal persuni LGBTIQ. Fil-fatt Monako huwa wieħed mill-pajjiżi f’qiegħ il-lista tal-International Lesbian and Gay Association (ILGA) Europe f’dak li jirrigwarda drittijiet u leġislazzjoni li tippromovi ugwaljanza. F’Monako mhux permessi la l-unjoni ċivili u lanqas iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Fil-fatt fil-lista ta’ ILGA Europe, Monako jikklassifika fis-46 post minn 49 pajjiż, Malta tikklasifika fl-ewwel post!
F’Monako mara tista’ tagħmel abort, imma biss f’każijiet meta l-ħajja tal-omm tkun f’periklu kif ukoll f’każ ta’ stupru. F’Malta l-abort huwa illegali f’kull każ.
Bħal Malta, Monako hija Arċidjoċesi u allura għandha l-Arċisqof tagħha.
65% tal-poplu f’Monako huwa ‘barrani’ ...
Minkejja li ħafna drabi f’Malta tisma’ l-kliem ‘imtlejna’ jew ‘invadewna’ f’diskors dwar il-barranin, il-popolazzjoni ta’ Monako fil-fatt hija magħmula, fil-maġġoranza tagħha, mill-‘immigranti’.
Huma kważi 22% biss dawk li jgħixu f’Monako u huma nativi, jiġifieri twieldu hemm. Dan ifisser li l-poplu ta’ Monako huwa minornaza f’pajjiżu stess.
Ftit aktar minn 28% ta’ dawk li jgħixu Monako huma Franċiżi, 18.7% huma Taljani, 7.5% huma Brittaniċi, 2.8% Belġjani, 2.5% Ġermaniżi u Żvizzeri u 1.2% mill-Istati Uniti u dan skont iċ-ċensiment tal-2008, 10 snin ilu. Sal-2013 kien hemm 24,300 barrani jgħix f’Monako skont ċifri tal-UNICEF minn popolazzjoni ta’ 37,000. Dan ifisser li sa ħames snin ilu 65.6% tal-popolazzjoni f’Monako kienet magħmula minn barranin.
F’Malta, skont ċifri żvelati fil-Parlament, hawn 30,000 persuna b’permess ta’ residenza filwaqt li hawn 30,564 ħaddiem mill-Unjoni Ewropea. Dan waħdu jfisser, illi hawn aktar minn 60,000 persuna barranija f’Malta u dan meta mhux qed ngħoddu nies mill-UE li jgħixu pajjiżna u m’għandhomx impjieg. B’popolazzjoni ta’ 475,700, skont l-aħħar ċifri tal-NSO, dan ifisser illi qed inħarsu lejn kważi 13% tal-popolazzjoni li hija barranija.
Minkejja li d-differenza fil-persentaġġi hija waħda kbira, l-kunċett ekonomiku tal-mod kif titmexxa l-ekonomija ta’ Monako, tista’ tkun simili għal dak li qed iħaddem il-Gvern ta’ Muscat. Jiġifieri l-attirazzjoni lejn il-pajjiż ta’ massa ta’ nies barranin, speċjalment dawk tal-flus u li permezz tagħhom l-ekonomija ta’ Malta tkun tista’ tibqa’ ddur filwaqt li servizzi soċjali, bħall-pensjoni jkunu assigurati. Biex tagħmel dan Monako tat diversi inċentivi fit-taxxa, bħalm’għamlet Malta biex attirat is-settur tal-gaming.
U f’Monako jbigħu ċ-ċittadinanza (passaport)? Monako għandha skema, bħal dik ta’ Malta, li permezz tagħha wieħed jista’ jinvesti u allura jidħol fi proċess li permezz tiegħu jikseb iċ-ċittadinanza. Il-prezz huwa ta’ €500,000 fi proprjetà u €500,000 oħrajn f’bank f’Monako.
Prinċep minflok PM u barra l-UE...
Monako hija mmexxija b’mod differenti minn Malta għaliex hija ggvernata b’Kostituzzjoni Monarkika fejn il-Prinċep Albert II għandu s-saħħa kollha flimkien mal-familja Grimaldi. Dan ifisser, li Monako mhix demokrazija.
Kif tafu Malta hija Repubblika Demokratika fejn kull ħames snin isiru elezzjonijiet li jikkonfermaw jew ibiddlu Gvern.
Imma apparti din id-differenza, hemm differenza fundamentali oħra bejn Malta u Monako, jiġifieri li dan tal-aħħar mhux membru tal-Unjoni Ewropea. Monako, bħal Malta iżda, tuża l-Ewro bħala munita.
Fuq xulxin...
Jekk hemm xi ħaġa li hija simili ċertament li hija fid-densità u allura kemm jgħixu nies f’kull kilometru kwadru. Monako huwa wieħed mill-aktar pajjiżi mibnijin fid-dinja b’madwar 19,000 persuna kull kilometru kwadru. F’Malta, id-densità hija ta’ kważi 1,500 persuna kull kilometru kwadru. Monako għandu 38,000 resident f’2,000 kilometru kwadru ta’ art.
U x’għamlu biex isolvu din il-problema? Monako għamlu reklamazzjoni tal-art fil-baħar Mediterran, xi ħaġa li sa din il-ġimgħa stess issemmiet bi prominenza f’ġurnal lokali li jxaqleb ħafna lejn il-Partit Laburista.
Din il-ġimgħa stess tħabbar li se terġa’ ssir riklamazzjoni tal-art fid-daqs ta’ 0.02 kilomteri kwadri. Il-proġett se jkun lest sal-2025, se jiswa $2.3 biljun, se joħloq 650,000 metru kwadru ta’ residenzi u spazju kummerċjali, se jakkomoda 1,000 resident u se jinkludi park u 30 post fejn jottijiet jistgħu jirmonkaw. Kważi 595,000 metru kubu ta’ ramel imħaffer minn żona fit-Tramuntana ta’ Sqallija qed jintuża biex tinbena din l-art fil-baħar.
L-ekonomija... differenzi u similaritajiet
Fl-2015 Monako rreġistrat Prodott Gross Domestiku (GDP), jiġifieri kemm inħoloq ġid fil-pajjiż, ta’ €6 biljun. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena il-GDP ta’ Malta kien ta’ €2.75 biljun, jew madwar €3.25 biljun inqas minn dak ta’ Monako.
Minkejja li l-ekonomija ta’ Monako hija aktar mid-doppju ta’ Malta, it-tkabbir previst għal din is-sena f’pajjiżna jiżboq il-5%, filwaqt li dak ta’ Monako huwa ta’ madwar 3%.
L-akbar tliet setturi f’Monako, skont ċifri tal-2016, huma l-qasam finanzjarju u l-assigurazzjoni b’16.1%, il-qasam xjentifiku u tekniku b’14.8% u l-kostruzzjoni b’14.3%.
F’pajjiżna huwa t-turiżmu li jibqa’ wieħed mill-akbar setturi, b’rapport tal-Kunsill tal-Ivjaġġar u Turiżmu madwar id-Dinja ppubblikat din is-sena jgħid illi dan is-settur qed jiġġenera 14.2% tal-ġid kollu li nħoloq f’Malta fl-2017.
Bħal Monako iżda, Malta wkoll għandha settur finanzjarju li qed jikber u settur tal-kostruzzjoni li bħalissa għaddej b’attività qawwija.
€10.15 l-anqas li tista’ taqla’ f’Monako...
Waħda mill-akbar differenzi bejn pajjiżna u l-Monako hija fil-paga medja li jaqla’ ħaddiem u l-għoli tal-ħajja. Minn ċifri u numri li analizzat din il-gazzetta hija ċara li b’paga medja Maltija, definittivament ma tistax tgħix f’Monako.
Siti differenti taw medja differenti tal-paga medja f’Monako, għalkemm jidher li l-paga medja f’Monako dejjem taqbeż it-€3,500 fix-xahar. Fit-tieni kwart tal-2017 il-paga medja bażika annwali f’Malta kienet ta’ €18,064, bil-medja tvarja minn €29,232 fost maniġers u €11,807 fost dawk li jaħdmu f’impjiegi aktar elementari (ċifri tal-NSO).
Monako m’għandhiex paga minima stabbilita bil-liġi, kuntrarjament għal Malta, għalkemm l-inqas li jista’ jaqla’ ħaddiem huwa €10.15 kull siegħa.”
Biex forsi tlaħħaq mal-ħajja f’Monako, trid taħdem 24 siegħa kuljum...
Ladarba rajna l-paga issa se naraw il-prezzijiet.
Il-kirja f’Monako tifnik! Ħarsa lejn sit ta’ aġenti tal-proprjetà juri illi l-prezz ta’ kirja, kull xahar għal studio flat (kamra waħda u kamra tal-banju) titla’ għal madwar €2,800 fix-xahar, għalkemm hemm oħrajn li huma inqas u oħrajn iktar. L-irħas apartament għall-kiri kien jiswa €750 fix-xahar, biex tgħix f’10 metri kwadri (f’toqba jiġifieri).
Il-prezzijiet imbagħad jisparaw għal bejn €5,000 fix-xahar għal appartamenti xi ftit ikbar, b’żewġ kmamar tas-sodda. U jibqgħu telgħin u telgħin.
F’Malta, għalkemm il-prezzijiet tal-kirjiet żdiedu, kirja meqjusa għolja f’żona bħal Tas-Sliema jew San Ġiljan titla’ għal madwar €1,300-€1,400.
Dan ifisser illi minkejja pagi ħafna ogħla minn ta’ Malta, il-kirjiet huma ħafna ogħla wkoll f’Monako biċ-ċans li ħafna mill-paga tittiekel għall-akkomodazzjoni.
Il-prezzijiet tal-ikel ivarjaw għalkemm sit illi fih isir paragun bejn l-għoli tal-ħajja bejn pajjiż u ieħor (numbeo.com) juri illi l-prezzijiet tal-ikel huma ta’ bejn wieħed u ieħor 71% ogħla f’Monako milli f’Malta, li skont statistika tal-Eurostat diġà għandha prezzijiet ogħla f’dan is-settur.
Intant l-istess sit jagħti diversi prezzijiet differenti ta’ prodotti u juri kif il-medja f’Malta hija ħafna inqas minn dik f’Monako. Jekk ħalib hawn jiswa 86ċ, f’Monako jiswa €1.47, jekk pakkett sigaretti hawn jiswa €5.65, f’Monako jitla’ għal madwar €7.25, jekk ikla f’restorant irħis f’Malta tiswik €12 kull persuna, f’Monako tiswa €27, jekk iċ-child care huwa b’xejn f’Malta, f’Monako jitla’ għal madwar €1,200.
Skont Globalpetrolprices.com il-prezz għal kull litru diesel huwa ta’ €1.53 f’Monako, filwaqt li f’Malta il-prezz bħalissa huwa ta’ €1.18.
Edukazzjoni b’xejn... saħħa b’assigurazzjoni
Minkejja li Monako huwa magħruf bħala post għas-sinjuruni u l-biljunarji, b’30% tal-popolazzjoni tkun sinjuruna, xorta teżisti sistema soċjali għal dawk fil-bżonn. Fil-fatt l-iskejjel huma b’xejn anke jekk biss għan-nattivi. Dan huwa simili għal Malta li għandha sistema sħiħa ta’ edukazzjoni li hija mingħajr ħlas, minn qabel il-primarja sal-edukazzjoni terzjarja u dik tat-tielet età.
Is-saħħa hija koperta b’assigurazzjoni li hija mħallsa kemm mill-ħaddiema, kif ukoll mill-impjegatur. Bħal f’Malta din is-sistema tkopri ħafna proċessi imma mhux kollox. Pereżempju ma tkoprix operazzjonijiet fil-ħanek jew fis-snien, eżatt bħal Malta.