Il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini jibqa' detereminat li l-450 immigrant fuq dgħajsa ma jidħlux fil-portijiet Taljani. L-aħbar ta' dgħajsa b'mijiet ta' immigranti fil-Mediterran, fl-ibħra Maltin, ħarġet ilbieraħ, biex ftit wara rriżulta li d-dgħajsa kienet daħlet fl-ibħra Taljani.
Rapporti qed jgħidu illi l-Italja trasferiet dawn l-immigranti minn dgħajsa tas-sajd għal żewġ dgħajjes użati għar-rondi madwar il-Mediterran, imma Salvini xorta m'aċċettatomx fil-pajjiż.
Minflok Salvini qed jinsisti li dawn jinġiebu Malta jew inkella jittieħdu lura l-Libja, minn fejn telqu.
Il-Gvern Malti qed isostni li f'kuntatt ma' dawk fuq id-dgħajsa bl-immigranti intqal li d-destinazzjoni tal-immigranti hija Lampedusa (l-Italja), mhux pajjiżna. Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Malta se tilqa' t-talba tal-Italja u flimkien ma' pajjiżi oħrajn taċċetta numru ta' immigranti minn dawn l-450.