‘M’hemmx pjan għal ċentru ta’ ażil f’Malta’

Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia jgħid illi Malta m’għandha l-ebda pjan biex taċċetta ċentri tal-ażil, proposti fl-aħħar Summit tal-mexxejja tal-UE

Il-Gvern Malti m’għandu l-ebda pjan li jaċċetta talba għall-ftuħ ta’ ċentru illi fih isir l-iproċessar tal-ażil għall-immigranti f’pajjiżna. Sostna dan il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ma’ din il-gazzetta, wara li fl-aħħar Summit tal-Mexxejja Ewropej kien deċiż li jinfetħu ċentri ta’ detenzjoni magħluqin (l-immigranti ma jistgħux joħorġu) f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’mod volontarju. L-għan ta’ dawn iċ-ċentri huwa sabiex immigranti jkunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tal-ażil fihom, qabel imbagħad jitqassmu f’pajjiżi differenti, jekk dik it-talba tkun aċċettata.

Din il-gazzetta staqsiet lill-Ministru Farrugia jekk Malta taċċettax li tiftaħ ċentru tal-ażil simili u jekk din il-materja kinitx diskussa mal-Prim Ministru. Farrugia qal biss li m’hemm ebda pjan għal ċentru tal-ażil f’Malta.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk kien esiġa illi jkun hemm ċentri ta’ żbarkar barra l-UE, għalkemm il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) jixtiequ li dawn ikunu ġol-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja Ewropej waslu għad-deċiżjoni illi l-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri għandu jkun fuq bażi volontarja u b’hekk ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea mhu taħt obbligu.

L-idea li jinfetħu ċentri tal-ażil ma ngħatatx il-ġenb minn Malta biss, fil-fatt anke pajjiżi fit-tramuntana tal-Afrika, s’issa, ma tantx urew wisq entużjażmu. Mal-ġurnal The Guardian uffiċjali ewlenin tal-Migrazzjoni ammettew li l-ebda pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq ma qabel li jkollu ċentri bħal dawn. Il-Kummissarju tal-UE Dimitris Avromopolous ammetta wkoll, għalkemm fakkar li l-ebda porposta formali ma kienet għadha saret sal-aħħar ta’ Ġunju.

Din il-gazzetta hija infurmata li qabel is-Summit proposta għal ċentri simili saret mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) li kien qed iħares lejn ftuħ ta’ ċentri fl-Albanija. Il-PPE kien qed jittama li l-ftuħ ta’ dawn il-postijiet minn fejn ikunu pproċessati t-talbiet ta’ ażil, jistgħu jkunu parti minn negozjati ma’ dan il-pajjiż biex isir membru tal-UE. Iżda dan sakemm ittieħdet deċiżjoni mill-mexxejja Ewropej stess biex id-diskusjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex issir membru tal-UE ikunu posposti. Din il-ġimgħa kien imħabbar li d-diskussjonijiet se jibdew daqs sena oħra, f’nofs l-2019. Dan ifisser illi kull negozjar dwar ċentri ta’ żbarkar probabilment iridu jistennew minn tal-anqas sena oħra.

More in Politika