Fl-ewwel dehra fuq ix-xandir nazzjonali minn meta 10 Deputati ħaduha kontra d-deċiżjoni tiegħu, Adrian Delia dawwar il-kanuni fuq il-Gvern u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fuq il-programm Xtra Sajf ippreżentat minn Saviour Balzan huwa qal illi jekk Muscat ‘nadif’ għax m’għandux kumpanija fil-Panama, "Mizzi u Schembri mhumie"'. Huwa sostna illi jekk Muscat ħassu li kienet xi ħaġa ħażina li jkollu il-kumpanija Egrant, kellu jaġixxi fil-konfront ta’ Ministru fil-Gvern u Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Delia ammetta li l-PN ħa żball fil-konfront ta’ Egrant, iżda żamm mad-deċiżjoni tiegħu dwar Simon Busuttil. Huwa qal li jemmen illi d-deċiżjoni li ħa biex l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil, illi jitolbu jissospendi lilu innifsu, kienet waħda tajba.
Huwa kritika dik li sejħilha il-kultura ta' xejn mhu xejn u sostna illi għax l-ekonomija sejra tajjeb ma jfissrix li kollox jgħaddi filwaqt li assigura illi il-PN se jkompli wkoll jiġġieled kontra l-korruzzjoni.