Intervista | Simon Busuttil: Min jibqa’ jċapċaplu u min iridu jisparixxi
Adrian Delia, Simon Busuttil, Pierre Portelli u Daphne Caruana Galizia x’għandhom x’jitilfu wara l-inkjesta Egrant? L-ILLUM tistaqsi lil Josef Lauri u lil Manuel Micallef
minn Albert Gauci Cunningham
Meta bħal-lum ġimgħa ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, ir-reazzjoni fost il-poplu kienet waħda mħallta. Sodisfazzjon, dispjaċir, rabja iżda bħal dejjem ikun hemm min jibqa’ xettiku.
Dwar dan il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-opinjonisti Josef Lauri u Manuel Micallef. It-tnejn jaqblu li l-inkjesta tagħti palata lil Joseph Muscat u tiftaħlu bibien li forsi kienu nstabtu ma’ wiċċu.
Madanakollu ma jaqblux fuq diversi punti, fosthom dwar kemm fadlilha kredibbilità Daphne Caruana Galizia, kemm kien korrett Adrian Delia u jekk l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għadx fadallu post fix-xena politika.
Josef Lauri
1. X'kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta ħarġu l-konklużjonijiet dwar l-inkjesta Egrant?
Fl-aħħar! Dik kienet l-ewwel reazzjoni bħalma naħseb kienet ta’ kulħadd. Imma meta mbagħad irriżulta li l-poplu qed jitħalla jara biss l-aħħar 50 paġna minn aktar minn 1,400 waħda, tħoss li mhux kollox qed jiġi ċċarat. Mill-ewwel ikollok issaqsi: għaliex ma ġiex ippubblikat ir-rapport kollu?
2. Jinkwetak il-fatt li xorta waħda baqa' mhux magħruf min hu s-sid jew għal min kienet infetħet Egrant?
Ħafna! Għaliex din il-kumpanija nfetħet mill-istess accountant li fetaħ Tillgate u Hearnville, li nafu ta’ min huma, u allura l-eżistenza misterjuża ta’ Egrant għadha sħaba sewda fuq l-ogħla livelli tat-tmexxija tal-Gvern.
3. X'taħseb li għandha tkun it-triq 'il quddiem wara li sar magħruf li d-declaration of trust, li kellha tkun il-prova ewlenija, kienet tinkludi firem iffalsifikati?
Naħseb li l-prijorità għandha tkun li jinstab min u għaliex iffalsifika din il-firma. Kull ipoteżi li nista’ nimmaġina għaliex saret din il-firma falza għandha konsegwenzi serji, pereżempju: Attentat biex titfa’ ħtija b’evidenza falza fuq il-Prim Ministru? Attentat biex tiddaħħal f’nassa l-Oppożizzjoni u ġurnalist irrispettat? Il-mod normali u mħawwad li kien jaħdem bih l-uffiċċju ta’ Mossack Fonseca, speċjalment meta wieħed isir jaf li Jaqueline Alexander kienet qisha firmatarja fantażma għal aktar minn 10,000 kumpanija, ifisser li l-awtentiċità tal-firma tagħha taf ma tfisser xejn? Il-Prim Ministru għandu jagħti prijorità li dan il-misteru jiġi solvut.
inkwetani ħafna jekk, wara din l-inkjesta, tintesa l-kwistjoni tal-kontijiet fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Il-fatt li huma s-sidien ta’ dawn il-kumpaniji aċċettawh huma stess, u l-inkjesta Egrant ma tneħħi xejn minn dak li diġà ilu magħruf Josef Lauri
4. Jinkwetak il-fatt li l-konklużjonijet dwar Egrant jistgħu jgħattu 'nuqqasijiet' tal-Gvern Laburista li wieħed ma jistax jinnega, fosthom li Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-fatt fetħu kumpaniji fil-Panama?
Iva, tinkwetani ħafna jekk, wara din l-inkjesta, tintesa l-kwistjoni tal-kontijiet fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Il-fatt li huma s-sidien ta’ dawn il-kumpaniji aċċettawh huma stess, u l-inkjesta Egrant ma tneħħi xejn minn dak li diġà ilu magħruf. Jekk il-konkluzjonijiet tal-inkjesta Egrant tnessi dawn il-fatti ikun effett negattiv u mhux pożittiv tal-inkjesta.
5. Taħseb li l-konklużjoni tal-inkjesta Egrant tista' titfa’ dubju fuq stejjer oħra ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia, fosthom l-allegazzjonijiet dwar Adrian Delia?
Din il-mistoqsija tkompli ma’ dik ta’ qabel. Iva, naħseb hemm dan il-periklu u ħazin ħafna jekk isir hekk. Kull storja għandha tiġi ġġudikata fuq il-merti tagħha. U dan mhux biss periklu għal stejjer li ħarġet Daphne Caruana Galizia biss, imma għall-futur tal-ġurnaliżmu investigattiv f’Malta li huwa element importanti biex iċ-ċittadin ikollu xi forma ta’ kontroll fuq abbużi li jista’ jagħmel min ikun f’pożizzjoni ta’ poter.
6. X'għandha tkun it-triq tal-Partit Nazzjonalista wara dawn il-konklużjonijiet?
Il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ magħqud fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għaliex din l-inkjesta ma solviet xejn (u lanqas kienet l-intenzjoni tagħha) dwar, pereżempju, il-kumpaniji li semmejna tal-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff Schembri. U ma tirrisolvix il-mistoqsijiet dwar kull min f’Malta seta’ għamel użu mill-Bank Pilatus għal tranżazzjonijiet illeċiti. Imma l-Partit Nazzjonalista għandu wkoll jifrex id-diskors tiegħu u jitkellem bil-qawwa dwar affarijiet oħra li jista’ jkollhom effetti ħżiena fuq Malta tal-futur.
7. Simon Busuttil għandu jirreżenja? Għamel sew Adrian Delia li neħħieh mix-Shadow Cabinet?
Le, Simon Busuttil ma għandux jirreżenja. X’inhi l-akkuża kontrih? Li hu ffalsifika d-declaration of trust jew li ma ndunax li l-firma kienet falza meta l-Maġistrat kellu darbtejn jikkonsulta esperti forensiċi biex jiddetermina dan u wara ħafna xhur? U naħseb li Adrian Delia għamel żball politiku u starteġiku li neħħa lil Simon Busuttil mix-shadow cabinet u aktar u aktar li talbu jirrizenja mill-Grupp Parlamentari – essenzjalment keċċieh mill-partit. Adrian Delia kellu ċ-ċans li juri li kapaċi jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista f’mument diffiċli, u minflok ħoloq xiżma.
Ħalli nagħti raġuni waħda għaliex naħseb li Adrian Delia żbalja, mhux għax l-aktar importanti, imma għax tista’ tispjegaha fi ftit kliem u hija verifikabbli billi tqalleb il-gazzetti u l-posts tal-midja soċjali. Meta l-kwistjoni Egrant kienet fl-aqwa tagħha, flimkien ma’ Busuttil kien hemm bosta nies fil-Partit Nazzjonalista li llum huma s-sisien tat-tmexxija ta’ Delia u li kienu spalla ma’ spalla ma’ Busuttil dwar il-każ Egrant u kienu akkaniti dwar il-każ daqsu. Allura dawn għandhom jirriżenjaw ukoll u magħhom parti kbira mil-pedament tat-tmexxija ta’ Adrian Delia?
8. X'taħseb li dawn l-iżviluppi se jfissru għall-Partit Laburista, għall-Partit Nazzjonalista u għall-politika f'Malta?
Il-Partit Laburista għandu r-riħ fil-qala imma ma jistax jinjora x-xewqa ta’ ħafna għal governanza trasperenti. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’mument diffiċli u jista’ jkun f’xifer ta’ qasma fi ħdanu, ġrajja bħalma ġrat snin ilu liż-żewġ partiti politiċi. Għall-politika Maltija naħseb li għal xi snin, jekk ikun hemm partit qawwi fil-Gvern u Oppożizzjoni li ma tistax issib saqajha, ikun hemm ir-riskju li c-checks and balances li huma essenzjali għal demokrazija f’saħħitha ma jsirux, b’dettriment kbir għal Malta.
9. L-eżitu tal-inkjesta x'taħseb li se jkun ifisser għall-futur politiku ta' Joseph Muscat?
Diffiċli wieħed jgħid jekk ma jkunx jaf x’ambizzjonijiet għandu. Dan il-ħin Joseph Muscat jidher li għandu kollox favur tiegħu u allura nħoss li għandu l-opportunità li jieħu passi anki diffiċli biex ineħħi kull dell ikrah li hemm fuq it-tmexxija ta’ dan il-Gvern. Għandu jagħti lura lill-poplu kollu fiduċja fl-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-governanza tajba. Mill-aspett aktar personali forsi reġgħet infetħitlu l-għażla jekk jerġax ikun Prim Ministru għat-tielet darba jew jekk jippuntax għal xi kariga għolja fl-Unjoni Ewropea
Manuel Micallef
1. X'kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta ħarġu l-konklużjonijiet dwar l-inkjesta Egrant?
Ir-reazzjoni tiegħi kienet waħda mħallta: ta’ sodisfazzjon għall-fatt li wara xhur ta’ stennija ħarġet il-verità li kkonfermat dak li kien qal il-Prim Ministru sa mill-għada li saret l-allegazzjoni, iżda wkoll ta’ dispjaċir u rabja għall-fatt li qatt ma stennejt li fil-politika naslu f’livell daqstant baxx li nassassinaw karattru ta’ bniedem jew familja bi qlajjiet foloz ibbażati fuq falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
2. Jinkwetak il-fatt li xorta waħda baqa' mhux magħruf min hu s-sid jew għal min kienet infetħet Egrant?
Fil-kuntest ta’ remit tal-Magistrat fl-inkjesta, min kien is-sid tal-Egrant mhuwiex daqstant relevanti. L-allegazzjoni oriġinali ma kinitx ibbażata fuq min seta’ kien is-sid għaliex l-allegazzjoni kienet ċara, jiġifieri li l-Egrant kienet tas-Sinjura Michelle Muscat u l-inkjesta riedet tistabilixxi jekk dan kienx minnu jew le. Irriżulta li din kienet gidba faħxija mill-bidu sal-aħħar.
3. X'taħseb li għandha tkun it-triq 'il quddiem wara li sar magħruf li d-decleration of trust, li kellha tkun il-prova ewlenija, kienet tinkludi firem iffalsifikati?
It-triq ’il quddiem hija sempliċi. Falsifikazzjoni ta’ dokument ta’ din il-portata huwa reat kriminali u allura jridu jittieħdu passi mill-Pulizija u jitressaq il-qorti min iffalsifika d-dokumenti (jekk dan hu magħruf mill-inkjesta, jekk le trid issir investigazzjoni biex min hu/hi li ffalsifika d-dokumenti jkun stabbilit). Jittieħdu passi wkoll fil-konfront ta’ kull min kien kompliċi fil-falsifikazzjoni u fl-allegazzjonijiet u gideb faħxi li sar fuq bażi tal-falsifikazzjoni tad-dokumenti.
4. Jinkwetak il-fatt li l-konklużjonijet dwar Egrant jistgħu jgħattu 'nuqqasijiet' tal-Gvern Laburista li wieħed ma jistax jinnega, fosthom li Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-fatt fetħu kumpaniji fil-Panama?
Ma jinkwetanix dan il-fatt għar-raġuni li l-inkjesta Egrant stabbiliet fatti ċari. Il-kumpanija Egrant la kienet ta’ Michelle Muscat, la kienet tal-Prim Ministru u lanqas ta’ xi ħadd mill-familji tagħhom. Min ħareġ b’dan il-plot kellu f’moħħu li jagħmel ħsara personali lill-Prim Ministru u fl-istess waqt jiddistabilizza l-pajjiż billi jwaqqa’ l-Gvern. L-attakk kien dirett fuq il-familja Muscat għax dik kienet l-unika karta li kien baqgħalhom biex jakkwistaw il-poter. L-inkjesta kixfet il-qerq, il-gideb u l-falzità ta’ min fassal dan il-pjan malizzjuż. Dak li int qed isejjaħ nuqqasijiet oħra tal-Gvern Laburista qegħdin jiġu jew ġew ittrattati fuq il-mertu tagħhom kemm fuq livell ġudizzjarju kif ukoll politiku.
5. Taħseb li l-konklużjoni tal-inkjesta Egrant tista' titfa’ dubju fuq stejjer oħra ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia, fosthom l-allegazzjonijiet dwar Adrian Delia?
Qabel ma ġiet ippubblikata l-konklużjoni tal-inkjesta Egrant ħafna kienu jafu li fil-biċċa l-kbira tal-każi, DCG kienet tippubblika kull tip ta’ informazzjoni li tiġi f’idejha mingħajr ma tivverifika l-fatti. L-aġenda tagħha kienet ċara: vilment kontra l-Labour f’kollox u kullimkien! Jekk kinitx qlajja’, allegazzjoni jew xort’oħra ma kinitx tagħmel distinzjoni. L-aqwa li kontra l-Labour u jekk tiġi għas-si u n-no dejjem kellha l-arma tal-protezzjoni tas-sors! Il-konklużjoni tal-inkjesta Egrant ikkonfermat dan il-fatt. L-inkjesta kkonkludiet fost l-oħrajn li x-xhieda ta’ DCG, Maria Efimova u Pierre Portelli kienet kunflinġenti jew kontrastanti. Biex waslet tagħmel dan fuq il-Prim Ministru u l-familja tiegħu fuq bażi, li llum pruvata, ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, allura bilfors wieħed jiġih dubju dwar l-istejjer li kienet tippubblika.
L-attakk kien dirett fuq il-familja Muscat għax dik kienet l-unika karta li kien baqgħalhom biex jakkwistaw il-poter. L-inkjesta kixfet il-qerq, il-gideb u l-falzità ta’ min fassal dan il-pjan malizzjuż Manuel Micallef
6. X'għandha tkun it-triq tal-Partit Nazzjonalista wara dawn il-konklużjonijiet?
Il-Partit Nazzjonalista bena l-kampanja elettorali fuq dan il-każ. Simon Busuttil bħala Kap tal-PN għamel l-istorja tiegħu u pubblikament stqarr kemm-il darba li hu ma kienx jemmen lill-Prim Ministru Joseph Muscat u allura emmen b’għajnejh magħluqa lil DCG, lil Efimova u lil kull min kien imdaħħal fl-istorja. Għalhekk l-għajta tiegħu kienet “Barra, Barra, Barra”. Il-PN għamel lilu nnifsu l-paladin tal-governanza tajba u t-tolleranza żero għall-korruzzjoni. Iżda l-inkjesta Egrant faqgħet il-bużżieqa f’wiċċ il-PN u għalhekk il-PN irid jerfa’ r-responsabbiltà politika qabel jittanta jerġa’ jipprova jikseb xi kredibiltà mill-elettorat.
7. Simon Busuttil għandu jirriżenja? Għamel sew Adrian Delia li neħħieh mix-Shadow Cabinett?
Jekk jemmen f’dak li jgħid, Simon Busuttil għandu jirriżenja. M’għandux joqgħod jistenna lill-Kap tiegħu jitolbu jissospendi ruħu. Ir-responsabbiltà politika trid tintrefa’ minnu l-ewwel u qabel kollox. B’dak li qal u kif aġixxa seta’ ġab konsegwenzi koroh fuq il-familja tal-Prim Ministru u fuq il-pajjiż. Irid jammetti li żbalja bl-ikrah u jerfa’ r-responsabbiltà. Mill-kliem irid jgħaddi għall-fatti. Għamel sew Adrian Delia li neħħieh minn shadow minister. Delia ried jgħaddi għall-fatti biex juri li l-politika trid issir ‘b’Mod Ġdid.’ Iżda bħal Simon Busuttil hemm oħrajn li ħawdu fl-istorja Egrant u magħhom ukoll irid juri snienu jekk irid jitwemmen f’dak li jippriedka.
8. X'taħseb li dawn l-iżviluppi se jfissru għall-Partit Laburista, għall-Partit Nazzjonalista u għall-politika f'Malta?
Għall-Partit Laburista dawn l-iżviluppi jfissru t-tisħiħ tal-Partit. Irid jibqa’ saqajh mal-art u ma tikbirlux rasu. Id-dgħufija ta’ partit avversarju ma tfissirx iktar saħħa għal partit ieħor. Dak li jiġri lil ġarek jista’ jiġri f’darek. Meta l-politika tkun imsejsa fuq l-verità, il-partit jirbaħ dejjem. Għall-Partit Nazzjonalista dawn l-iżviluppi wassluh biex imiss il-qiegħ. Il-qasma u l-firda fost il-PN hija evidenti. Meta l-għatx tal-poter isakkrek, titlef il-kredibiltà li biex tinkiseb lura trid is-snin. Fl-aħħar elezzjoni l-poplu ma emminx lill-PN u l-inkjesta Egrant ikkonfermat ir-raġuni għalfejn il-poplu ma emminx lill-PN. Issa l-PN irid jitwieled mill-ġdid billi jinfatam darba għal dejjem mil-linja politika li qabad f’dawn l-aħħar snin. Għall-politika f’Malta dan l-episodju jġegħelna nidħlu f’qoxritna u naħsbu bis-serjetà biex inpoġġu l-prijoritajiet fl-ordni. Il-pajjiż għandu jiġi qabel il-partit u l-verità għandha tiġi qabel il-poter.
9. L-eżitu tal-inkjesta x'taħseb li se jkun ifisser għall-futur politiku ta' Joseph Muscat?
Il-futur ta’ Joseph Muscat jiddeterminah hu. Bl-eżitu tal-inkjesta l-futur tal-Prim Ministru kompla jissaħħaħ. Iffaċċjat b’allegazzjonijiet bla preċedent, il-Prim Ministru wera fibra u onestà mill-bidu. Għadda minn martirju għal 15-il xahar imma l-verità tatu raġun. Illum imur kullimkien b’rasu merfugħa ’l fuq. Għandu l-kuraġġ li jibqa’ jmexxi l-pajjiż għas-snin li ġejjin u għandu l-opportunità mill-ġdid li jkompli l-karriera politika tiegħu anke barra minn xtutna. L-għażla f’idejh! Li hu żgur hu li l-poplu għandu fiduċja kbira fih u ma jixtieqx jitlef il-viżjoni u d-direzzjoni li għandu Joseph Muscat għal pajjiżna.