'Is-Soċjalisti tal-Ġermanja tawh premju u l-awtoritajiet Maltin qed jakkużawh'

...jgħid l-avukat tal-Kaptan tal-bastiment Lifeline, li jinsab akkużat illi daħħal immigranti fl-ibħra Maltin kontra l-liġi 

Meta kien qed ikellem lill-mezzi tax-xandir barra l-bini tal-Qorti, wieħed mill-avukati li qed jidhru għall-Kaptan Claus Peter Reisch, Cedric Mifsud irrimarka kif huwa ironiku li l-awtorijtajiet Maltin qed ifittxu lil Reisch, meta ħaddieħor ippremjah. Hu spjega kif fil-Qorti qal lill-Maġistrat illi Reisch ġie ppreżentat bi premju, li ngħata lilu mis-Soċjalisti tal-Ġermanja, liema premju kien bħala rikonoxximent għall-fatt illi salva 240 persuna li kienu fuq il-bastiment Lifeline.

F'Malta l-kaptan qed ikun akkużat illi kiser il-liġi meta salva immigranti fuq din id-dgħajsa u daħħalhom, illegalment, fl-ibħra Maltin kif ukoll li kien li kien qed juża dan il-bastiment biex iwettaq salvataġġ, meta kellu liċenzja ta' bastiment privat u għad-divertiment.  

Il-premju lil Reisch fil-Ġermanja ngħata mill-Partit Soċjal Demokratiku Bavarjan. 

L-immigranti tal-Lifeline daħlu kollha Malta iżda kienu mqassmin ma' pajjiżi differenti, b'uħud minnhom diġa jitilqu lejn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. 

Diversi attivisti qed ifakkru illi li ssalva l-ħajjiet tan-nies ma tista' qatt tkun ikkunsidrata bħala att kriminali

More in Politika