Editorjal | Egrant: wirt ta’ gideb u odju
Nittamaw li dan il-kapitlu jibda jingħalaq, għax il-preżenza tiegħu fix-xenarju politiku ġab biss, firda, odju u gideb.
minn Albert Gauci Cunningham
Egrant. L-aktar storja taħraq fl-istorja politika riċenti rriżulta li ma kinet xejn għajr ħadma, gidba. Tant kienet gidba li min qara r-rapport jaf li ż-żewġ xhieda ewlenin bdew igiddbu lil xulxin dwar id-dokument li juri illi Egrant suppost kienet ta’ Michelle Muscat. Ix-xhieda turi li Daphne Caruana Galizia qalet li d-dokument kien għand Maria Efimova, li għamlet scan tiegħu mbagħad poġġietu fuq il-cloud tagħha biex imbagħad wrietu lil Caruana Galizia, li ppubblikat l-istorja. Efimova iżda, dik li sa ftit ilu lanqas stajt tiddubitaha għax issib l-istess erbgħa min-nies iħaġġruk, qalet li d-dokument kien għand Daphne Caruana Galizia u li kienet Caruana Galizia li wrietha dan id-dokument.
Dan il-fatt minnu nnifsu diġà juri illi l-istorja kollha kienet mibnija fuq ir-ramel. Kif jista’ jkun li ż-żewġ protagonisti ta’ Egrant jagħtu verżjoni daqstant differenti fuq l-aktar prova kruċjali f’din l-istorja kollha? Dan mhux qed nitkellmu dwar dettall marġinali. Qed nitkellmu dwar dettall kruċjali.
Kif jista’ jkun li ż-żewġ protagonisti ta’ Egrant jagħtu verżjoni daqstant differenti fuq l-aktar prova kruċjali f’din l-istorja kollha?
Tant kienet gidba l-istorja, li Egrant Inc jirriżulta li lanqas biss kellha kont fil-Bank Pilatus u allura li ma setgħux għaddew il-famużi $1 miljun fih. L-inkjesta sabet ukoll, biex tgħaxxaq, li mill-kumpanija ta’ bint Ilham Aliyev qatt ma kien hemm tranżazzjonijiet lejn kont ta’ Egrant.
Tant kienet gidba l-istorja, li kien hemm min ipprova u għamel sfroz qawwi biex igiddeb stejjer ta’ din il-gazzetta li kienu leali mal-verità. Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat l-ewwel kif Maria Efimova kienet imfittxija mill-Bank Pilatus fuq frodi, kienet din il-gazzetta wkoll li żvelat kif Maria Efimova, kienet telgħet (issa jirriżulta li bħal Daphne Caruana Galizia) il-Qorti quddiem il-Maġistrat mingħajr dokumenti. Dakinhar, għax irrappurtajna l-verità issa kkonfermata qalu li qed “nattakkaw whistleblower.” Illum, sena wara, jirriżulta li aħna kellna raġun!
U ċ-ċirasa fuq il-kejk? Firem ta’ ċertu Jaqueline Alexander li suppost iffirmat id-declaration of trust, li issa qed jirriżultaw li huma foloz. “Dawn id-declarations of trust huma dokumenti foloz, magħmula minn xi ħadd li f’dan l-istadju mhux magħruf,” qal il-Maġistrat. Ċertifikat agħar minn hekk ma setax ingħata lill-istorja.
Kien hu li ħeġġeġ lill-Pulizija u lill-President fost oħrajn biex jagħmlu dak li hemm bżonn biex jitneħħa Muscat fil-Gvern. Kienu fuq il-każini tiegħu li telgħu strixxuni l-għada tal-allegazzjoni jinċitaw l-arrest ta’ Muscat. U allura mhu vera xejn li hu sempliċiment ried li ssir investigazzjoni
U l-bagalja? Għajr għal karta waħda, li għandna nifhmu li hemm spjegazzjoni għaliha fl-inkjesta sħiħa, il-passi ta’ Ali Sadr Hasheminejad ġew segwiti mill-ħin li wasal Malta u l-ħin kollu li kien fil-bank, minn fejn ma ċċaqlaqx mill-istess post u fejn ma daħħal ebda files u dokumenti fl-istess bagalja. Addio l-akkuża illi dawn il-bagalji kienu mimlijin provi.
Aħna mhux se ngħaddu ġudizzju fuq xogħol Daphne Caruana Galizia, mhux prassi ta’ dan l-editorjal li jgħaddi ġudizzju fuq ġurnalisti oħrajn, ħajjin jew le. Ngħidu biss illi tajbin kemm kienu tajbin ċertu stejjer ta’ Caruana Galizia, sfortunatament f’dan il-każ hi waqgħet fl-istess nassa li kienet tant akkużat ġurnalisti oħrajn li waqgħu fiha, jiġifieri li ħalliet l-għamad u l-preġudizzju politiku jagħmiha. Caruana Galizia, hemm possibilità, li ħalliet l-antipatija (jew mibgħeda) tagħha lejn dak kollu Laburist jirkibha u naturalment storja bħal din kienet tajba wisq biex tħalliha fil-kexxun. Għall-inqas nittamaw li kienet din il-possibilità u mhux li din kienet storja vvintata li ngħatat lilha u li ġiet ippubblikata, minkejja l-għarfien li kienet gidba. Allaħares huwa hekk!
Il-kapitlu Egrant huwa tassew kapitlu iswed fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Kapitlu li jirrakkonta għira u qerq, li jissimbolizza l-agħar tal-agħar tal-politika. Minkejja li faħħarna lil Simon Busuttil diversi drabi fuq diversi kwistjonijiet fuq din il-gazzetta, inħossu li l-konklużjonijiet tal-inkjesta ma jħallulu ebda triq oħra għal Busuttil ħlief li jilqa’ t-talba ta’ sospensjoni, anke jekk issa jidher li hemm xi qbil ma' Delia, b'dik is-sospensjoni tibqa' hemm.
Jekk Egrant kienet ġudizzju politiku ħażin, għandu jirreżenja għax kien hu l-arkitett tal-kampanja li saret fuqha. Kien hu li ħeġġeġ lill-Pulizija u lill-President fost oħrajn biex jagħmlu dak li hemm bżonn biex jitneħħa Muscat fil-Gvern. Kienu fuq il-każini tiegħu li telgħu strixxuni l-għada tal-allegazzjoni jinċitaw l-arrest ta’ Muscat. U allura mhu vera xejn li hu sempliċiment ried li ssir investigazzjoni. Hu emmen l-istorja verbatim u probabilment għadu jemminha sal-lum. Għall-ġudizzju politiku ħażin biss bħal dan għandu jissospendi lilu nnifsu, aħseb u ara kemm għandu iktar jirreżenja jekk hu kien jaf li din kienet gidba jew storja ‘kkreata’ u tela’ konxjament għamilha tiegħu biex jirbaħ elezzjoni.
Kieku Busuttil kien jaf mill-bidu li din l-istorja ma kinitx minnha jkun vera miss qiegħ li ntlaħaq biss darba fl-istorja politika lokali, meta Ettore Bono (Terinu) intalab jieħu ġurament falz li kien ra lil Lord Strickland liebes ilbies tal-mażuni.
ittamaw li min għandu jkun interrogat, ikun interrogat u fejn hemm bżonn issir ġustizzja, issir u li ma ndumux wisq ma nikkonkludu Egrant ta' min hi jew ta' min kienet se tkun
Il-qerq u l-gidba hija l-agħar forma ta’ politika u kull min jipperpetwa, konxjament, il-qerq u l-gidba, ma jixraqlux ma jokkupa siġġu fil-Parlament.
Nittamaw li dan il-kapitlu jibda jingħalaq, għax il-preżenza tiegħu fix-xenarju politiku ġab biss, firda, odju u gideb. Nittamaw li s-sitwazzjoni li fiha jinsab il-PN bħalissa tkun tagħlima, biex il-politika ma tkun qatt mezz tal-gideb u l-promozzjoni tal-immorali.
Sadanittant nittamaw li min għandu jkun interrogat, ikun interrogat u fejn hemm bżonn issir ġustizzja, issir u li ma ndumux wisq ma nikkonkludu Egrant ta' min hi jew ta' min kienet se tkun.