Il-PD qed iżomm lill-PA resposnsabbli għall-'abbuż' f'Wied Qirda

Il-PD jisħaq li l-Ministeru tal-Ambjent huwa fid-dover li jżomm, jirrestawra, u jsebbaħ l-ambjent u l-karatteristiċi rurali tal-widien Maltin u Għawdxin

Wied Qirda
Wied Qirda

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li jemmen li b’immaniġġjar tajjeb, u impenn sħiħ minn entitajiet governattivi, partikolarment il-PA u l-ERA, in-natura terġa tieħu dak li hu tagħha, u Wied Qirda jfejjaq lilu nnifsu.

Fakkar kif Wied Qirda jissepara l-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ minn tas-Siġġiewi, u hu magħruf għall-kuridur dejjaq imma spettakolari mimli siġar tal-ħarrub, taż-żebbuġ, tal-lewż, u tar-rand, u għall-kappella ħelwa ddedikata lill-Madonna tal-Viżitazzjoni, u post minn fejn id-Dejma kienet tagħti l-allarm fi żmien il-Kavallieri.

"Hija Riserva Naturali, u Post ta’ Konservazzjoni Speċjali ta’ importanza nazzjonali, li ġie wkoll iddikjarat post fejn is-siġar huma protetti. Huwa wkoll l-uniku ambjent fejn it-tulipani Maltin jikbru b’saħħithom fil-beraħ."

"Sfortunatament, il-kanal tal-ilma f’Wied Qirda qed jiġi traskurat, u nħakem minn pjanta dominanti minħabba l-intervent uman li ndaħal fin-natura u fixkel il-passaġġ tal-ilma."

Il-Partit Demokratiku qal li se jżomm lill-Awtorità tal-Ippjanar responsabbli talli ma ħaditx azzjoni fil-ħin kontra l-Ministeru tal-Infrastruttura u entitajiet oħrajn. Dan filwaqt li nnota li  wara li tlesta l-Proġett Nazzjonali tal-problemi tal-għargħar (2015) fejn hemm kanali taħt l-art minn Ħaż-Żebbuġ li jagħtu għal Wied Qirda, il-qiegħ tal-kanal taħt il-pont mis-Siġġiewi sa Ħaż-Żebbuġ ġie wżat minn vetturi tqal, u mhux talli dan l-aċċess ma nġabx lura għall-istat oriġinali, talli baqa’ miftuħ għat-traffiku u xi partijiet minnu ngħatalhom il-konkrit.

Il-PD innota wkoll kif qed jintrema ħafna imbarazz u skart tal-kostruzzjoni. "Agħar minn hekk, hemm numru ta’ postijiet fejn l-ilma ġie mblukkat bit-terrapien (flok inbnew pontijiet) biex ikun hemm aċċess faċli għal proprjetà privata n-naħa l-oħra tal-wied. Dan l-aħħar, aċċess partikolari twessa’ biex jinkludi post għall-parkeġġ u ngħata t-tarmak minn Transport Malta, minn fondi tal-UE li suppost jintużaw biex jitranġaw t-toroq rurali. Mhemmx għalfejn ngħidu li nħarġu numru ta’ enforcement notices (imma ma ġewx segwiti) mill-PA."

"Il-PD jisħaq li l-Ministeru tal-Ambjent huwa fid-dover li jżomm, jirrestawra, u jsebbaħ l-ambjent u l-karatteristiċi rurali tal-widien Maltin u Għawdxin.Bħala t-tielet vuċi fil-Parlament, il-PD se jkompli jħares l-interessi ambjentali u ekonomiċi veri tal-pajjiż u se jkompli jaqdi dmiru fl-iskrutinju favur governanza tajba."

More in Politika