'Nilqgħu lill-immigranti u nagħtuhom merħba, mhux nagħlqu għajnejna għat-traġedja'

L-Alleanza kontra l-Faqar tgħid illi tinsab deluża bil-Gvern Laburista u tgħid li dan naqas milli jgħin lin-nies fil-bżonn

Fi stqarrija l-membri tal-Alleanza kontra l-Faqar insistew li jinsabu delużi li "l-Gvern Laburista mhux biss naqas milli jgħin nies bħalna li kienu fil-periklu ta’ ħajjithom f’nofs ta’ baħar, iżda ukoll li ħataf il-vapuri u assi oħra ta’ NGO’s, bħas-Sea Watch, biex dawn in-nies voluntarji ma jkomplux issalvaw lil dawn ir-refuġjati nawfragi milli jegħrqu. Il-vulnerabilta’ ta’ dawn in-nies foqra, fosthom nisa u tfal, hija għajta għall-għajnuna u għall-kenn, li fi żminijiet suppost iċċivillazzati, għandha tinstema."

"Nifmhu li dwar dan ma hemmx qbil bejn l-imsieħba fl-Unjoni Ewropea, liema differenza qed twebbes l-irjus ta’ ħafna politiċi u mhux qed jaraw id-dimensjoni umanitarja ta’ din il-problema. Hu importanti ferm li nifmhu li dawn in-nies qed ibatu u qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerer, ġuħ, kif ukoll mill-waħx ta’ skjavitu’ fil-Libja."

L-Alleanza kompliet tinkoraġixxi lill-Gvern Maltio biex jibqa' jfittex ftehom bejn Gvernijiet Ewropej. "Fuq kollox aħna nemmnu li ħafna mill-problemi li minħabba fihom dawn in-nies qed jitilqu minn pajjiżhom ġejjin minn politika imperjalista u kolonjali, kif ukoll mill-kapitaliżmu kiefer li ħallew warajhom u li għadu jerda, jisraq u jsawwat lil dawn in-nies. Irridu nammettu li ħafna mill-pajjiż u kumpanji Oċċidentali stagħnew u għadhom iħaxxnu buthom proprju minn fuq dahar dawn il-popli."

"Malta minn dejjem laqgħet ‘il barranin b’idejha miftuħa u ladarba hemm lok għall-imigrazzjoni ta’ natura ekonomika, għandu jkun hemm merħba għal dawk inqas ixxurtjati minna fejn nuru il-valuri vera ta’ għajnuna lil kull min għandu bżonn."

"Jekk nibdew nagħlqu għajnejna għal traġedji bħal dawn, li ta’ kuljum qed iseħħu taħt għajnejna, faċli li nispiċċaw nagħlqu għajnejna anke għat-traġedji ġewwa darna. Għandna ningħaqdu flimkien u ngħollu leħenna biex dawn ir-refuġjati mill-gwerer u mill-faqar jistgħu isibu kenn u ma jitilfux ħajjithom," temmet tgħid l-istqarrija tal-Alleanza kontra l-Faqar.

 

 

More in Politika