Il-Partit Demokratiku (PD) fi stqarrija nnota kif f’din il-ġimgħa biss, kien hemm numru ta’ atti ta’ vjolenza li f’xi każi, irriżultaw f’mewt tal-vittmi. "Wasal iż-żmien li jkun hemm sentenza ħabs mandatorja meta kwalukwe tip ta’ arma tintuża f’reati," sostna l-PD.
"Dan l-aħħar, raġel ġie mmultat €700 dwar pussess u użu illegali ta’ arma tan-nar f’inċident ta’ vjolenza domestika f’dar privata. Jidher li s-sieħba tiegħu rtiratt ir-rapport li għamlet u b’hekk il-qorti setgħet biss tikkunsidra l-akkużi relatati mal-użu ta’ arma tan-nar waqt att ta’ offiża. B’fortuna kbira, ħadd ma weġġa’ għalkemm l-inċident seta’ kellu konsegwenzi aktar serji fuq il-vittma ta’ vjolenza domestika. Il-liġi tipprovdi wkoll għal sentenza ħabs għal offiżi bħal dawn. Se nistennew sakemm imut xi ħadd qabel miżuri aktar ħorox jiġu applikati?"
"Meta se nitgħallmu li f’soċjetà żviluppata ma tista thedded in-nies b’arma tan-nar – jew fil-fatt, bl-ebda tip ta’ arma?" staqsa l-PD.
Il-Partit Demokratiku temm l-istqarrija jgħid li jemmen li dawk l-aġenziji li jaħdmu mal-vittmi ta' vjolenza għandhom jingħataw aktar għajnuna biex ikunu jistgħu jagħmlu ħafna aktar xogħol fl-iskejjel tagħna biex jgħallmu l-istudenti jagħrfu s-sinjali biex fil-futur jonqos in-numru tal-vittmi.