Gomes tibgħathom jaqraw ix-Shiftnews dwar Egrant
....imma Miriam Dalli tweġibha bit-Times, l-Independent u l-Maltatoday
More in Politika
....imma Miriam Dalli tweġibha bit-Times, l-Independent u l-Maltatoday
Ana Gomes MEP, li issa saret famuża ħafna mal-Maltin u l-Għawdxin, bagħtet lill-Membri Parlamentari Ewropej għand ix-Shiftnews u analiżi li saret fuq dan s-sit, meta ffaċċjata b’ittra li l-MEP Laburista Miriam Dalli bagħtet lill-MEPs kollha li jinsabu fil-Kumitat LIBE dwar il-konklużjonijiet relatati mal-kumpanija fil-Panama. Gomes, sa ftit ġimgħat ilu, kienet tmexxi dan il-kumitat u ġiet Malta darbtejn f’delegazzjoni li ddiskutiet is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Gomes malajr wieġbet u qalet hekk: “Għall-informazzjoni tagħkom dwar il-kampanja ta’ informazzjoni skorretta li għaddejja f’Malta dwar l-inkjesta Egrant u ħafna aktar tistgħu taqraw din l-analiżi,” f’liema punt Gomes xerrdet analiżi miktuba fuq Shiftnews.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif min-naħa tagħha Dalli spjegat illi l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat sabet li d-dokumenti li suppost kienu juru illi Egrant hija ta’ Michelle Muscat kienu foloz. Hija ħeġġet lill-MEPs jaslu għall-koklużjonijet tagħhom u jiffukaw fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta, iktar minn kollox. Dalli tat lill-MEPs rapporti minn tliet ġurnali oħrajn bl-Ingliż jiġifieri mit-Times, The Malta Independent u Maltatoday u ħeġġithom biex jagħmlu analiżi imparzjali tas-sitwazzjoni, qabel ma jiddieċiedu fuq dak li bagħtitilhom Gomes.
Gomes u Dalli diġà kellhom xi ftit ta’ battibekk bejniethom u dan wara li Gomes, sigħat biss wara li kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta, qalet, “naf il-limitazzjonijiet tal-ġudikatura f’Malta.”
Pronta wieġbet Dalli li fi tweet qalet illi Gomes kienet lesta tisma’ lil kull min kien qed jgħid li il-PM Muscat huwa kriminal u issa “qed tipprova tħammeġ ir-reputazzjoni tas-sistema ġudizzjarja sempliċiment għax l-argumentazzjoni (tal-inkjesta) ma toqgħodx man-narrattiva tagħha.”