F’erba’ ġimgħat aktar minn 11,500 telefonata lill-Outpatients Mater Dei
...94% minnhom twieġbu f’ħin sodisfaċenti ħafna
More in Politika
...94% minnhom twieġbu f’ħin sodisfaċenti ħafna
F’perjodu ta’ erba’ ġimgħat, daħlu aktar minn 11,500 telefonata fuq il-Help Desk tad-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Mater Dei u li 94% minnhom twieġbu f’ħin sodisfaċenti ħafna, fil-fatt f’ħin ta’ ftit sekondi. Il-perjodu li fuqu sar dan l-eżerċizzju kien bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju u t-tielet ġimgħa ta’ Lulju li għaddew.
Id-deċiżjoni li jkun hemm help desk speċifiku għal dak li jirrigwarda servizz ta’ outpatients kienet ittieħdet bl-għan li dan is-servizz ikun ċentralizzat u distint minn kull servizz telefoniku ieħor mill-Isptar Mater Dei. In-numru telefoniku għal dan is-servizz huwa 25457000. B’hekk kull min ikun irid informazzjoni jew kjarifikazzjoni dwar xi ħaġa konnessa mal-Outpatients ma joqgħodx jingħadda minn taqsima għal oħra wara li jkun ċempel fuq in-numru ġenerali tal-Isptar Mater Dei.
“Meta tħares lejn ir-riżultati miksubin f’dan ir-rigward tħossok sodisfatt għax telefonati lill-Outpatients ma jsirux b’kapriċċ u wieħed jifhem l-anzjetà li jkollu kull min iċempel hemm,” qal lil dan il-ġurnal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
L-eżerċizzju juri li fl-ewwel ġimgħa tiegħu daħlu 2,372 telefonata li minnhom twieġbu 2,234, li jfisser 94%. Fit-tieni ġimgħa kien hemm 3,170 telefonata li minnhom laħqu twieġbu 93% li jfissru 2,932. In-numru ta’ telefonati li daħlu fit-tielet ġimgħa kien ta’ 3,034 li minnhom laħqu twieġbu 2,818 li jfisser 93%. Fl-aħħar ġimgħa tal-eżerċizzju kien hemm 2,995 telefonata li minnhom twieġbu 93%, ammont ta’ 2,771.
B’kollox fuq firxa ta’ erba’ ġimgħat daħlu 11,571 telefonata li minnhom twieġbu 10,755 b’medja ta’ 455 telefonata mwieġba kuljum. In-numru ta’ persuni li jieħdu dawn it-telefonati huwa ta’ erbgħa.
Nofs it-telefonati li ma jilħqux ikunu mwieġba jkunu twaqqfu minn min ikun qed jagħmel it-telefonata u ma jkunx ilu jistenna aktar minn 30 sekonda, bil-massimu ta’ stennija ma jkunx aktar minn tliet minuti.
Minn dan l-eżerċizzju partikolari jirriżulta li l-medja tal-ħin meħud biex titwieġeb telefonata huwa ta’ 26 sekonda. Il-medja ta’ kull telefonata tkun ta’ minuta u seba’ sekondi. Il-ħin ta’ stennija sakemm titwaqqaf telefonata minn min ikun ċempel għax it-telefonata ma titwiġibx mill-ewwel ivarja minn sekonda sa massimu ta’ tliet minuti. Jirriżulta li 600 telefonata minn dawk li twaqqfu minn min kien qed iċempel twaqqfu wara inqas minn minuta.
“Dan is-servizz huwa wieħed tajjeb ħafna, aktar u aktar meta tħares lejn il-persentaġġi. Ħaqqu r-ringrazzjament ta’ kulħadd kull min huwa involut fih. Madankollu xorta qegħdin nikkunsidraw dak li jonqos biex nipperfezzjonaw aktar bħala tragward li rridu naqbżuh,” temm jgħid lill-ġurnal id-Deputat Prim Ministru.