Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qiegħed iħares lejn it-tfassil ta' master plan strateġiku bil-għan li jikber is-settur tal-avjazzjoni f’Malta.
Huwa qal dan waqt li dalgħodu ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija SR Technics li se tkun qed tinvesti f’hangar ġdid biex tkabbar l-operat tagħha f’Malta.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħabbar li l-Malta Industrial Parks u l-Malta Enterprise ingħataw l-inkarigu biex flimkien ifasslu master plan strateġiku għat-tkabbir ta’ dan is-settur f’Malta.
Fost oħrajn, iż-żewġ aġenzijiet qed janalizzaw il-possibbilità li tintuża l-art ta’ madwar l-ajruport, iżda mhux biss, bil-għan li aktar kumpaniji jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom.
Fakkar ukoll li l-Gvern huwa kommess li jinvesti €4 miljun biex jiżdied it-taħriġ għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan is-settur.