Statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li f’Novembru, propju wara li tħabbru l-miżuri tal-Baġit, kien hemm żieda qawwija ferm fil-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna. Fil-fatt din iż-żieda kienet 3.3% akbar milli kienet fl-istess xahar sena qabel.
Ta’ min jinnota li mentri r-rata ta’ tkabbir tal-bejgħ mill-ħwienet fiż-żona ewro naqset minn 2.1% f’Ottubru għal 1.2% f’Novembru, f’pajjiżna, ir-rata żdiedet minn 2.7% għal 3.3%. Dan ifisser li kkumparat mal-medja taż-żona ewro, it-tkabbir fil-bejgħ mill-ħwienet kien kważi tliet darbiet aktar. F’numru ta’ pajjiżi Ewropej, f’Novembru, il-bejgħ mhux talli żdied imma talli naqas. Fost dawn hemm il-Belġju, l-Estonja, il-Greċja, Is-Slovenja u l-Finlandja. Dawn il-pajjiżi huma milqutin minn miżuri ta’ awsterità mħaddna mill-gvernijiet ta’ pajjiżhom minħabba qagħda ekonomika ħażina.
Mentri meta mqabbel mal-perjodu eżatt wara l-pandemija, il-ħwienet f’Malta għandhom bejgħ ta’ 17% aktar, il-bejgħ madwar iż-żona ewro għadu staġnat fi kważi l-istess livell ta’ erba’ snin ilu. L-agħar sitwazzjoni hija fil-Belġju bil-bejgħ huwa 12% anqas minn dak fl-2021. Anke fl-akbar ekonomija Ewropea, il-Ġermanja, il-bejgħ għadu 2% anqas milli kien erba’ snin ilu, bil-pajjiż f’sitwazzjoni ta’ riċessjoni.
Intant l-istħarriġ li jsir ta’ kull xahar mill-Kummisjoni Ewropea fost il-konsumaturi madwar l-Unjoni jindika li f’Malta s-sentiment fost il-familji huwa aħjar mill-medja storika, u ferm aqwa mill-medja Ewropea. Il-maġġoranza tal-familji intervistati sostnew li jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se titjieb fix-xhur li ġejjin. Tant hu hekk li ħafna bassru li sejrin jonfqu aktar fix-xhur li ġejjin u, minkejja dan, xorta qed jistennew żieda fit-tfaddil tagħhom fix-xhur li ġejjin.
Ta’ min ifakkar li f’Novembru, id-depositi tal-familji Maltin u Għawdxin laħaq livell rekord ġdid tant li qabeż it-€18-il miljun ewro. F’sena waħda kien hemm żieda fid-depositi daqskemm kien hemm bejn l-2008 u l-2013.