L-eks Direttur tal-Caritas jinħatar CEO tal-Awtorità tad-Djar

McKay mistenni jibda l-operat tiegħu fi ħdan l-Awtorità tad-Djar fi ftit ġimgħat

L-eks Direttur ta' Caritas Malta, Leonid McKay inħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar.

Dan tħabbar mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali li spjega kif il-ħatra tiegħu ġiet approvata unanimament mill-bord tad-diretturi aktar kmieni llum.

"Leonid McKay hu l-persuna ġusta biex tieħu l-Awtorità tad-Djar ’il quddiem. Jeħtieġ li din l-awtorità tkun relevanti għar-realtà tal-lum, tibqa’ sensittiva għall-bżonnijiet tan-nies u toħroġ b’soluzzjonijiet u skemi innovattivi li jagħmlu tassew differenza," saħaq is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Leonid McKay gradwa fis-soċjoloġija u fil-politika soċjali f’livell ta’ Masters. Hu ħadem għal tnax-il sena sħaħ fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar direttur fl-2014. Matul it-tmexxija tiegħu, hu kien strumentali biex kompla jsaħħaħ il-Caritas f’Malta u s-servizzi tagħha, introduċa servizzi ġodda, u kompla jagħti vuċi lill-aktar persuni  vulnerabbli permezz ta’ riċerka xjentifika.

McKay mistenni jibda l-operat tiegħu fi ħdan l-Awtorità tad-Djar fi ftit ġimgħat.

Post McKay fil-Caritas ħadu l-Psikologu Anthony Gatt.

More in Politika