Waqt konferenza tal-aħbarijiet, SportMalta għaddiet pitch numru 5 fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa lill-Marsa FC b’ċens ta’ 49 sena li se jkun żviluppat f’pitch tal-football li se jkun jilħaq l-ogħla standards. Din l-art, li għal għadd ta’ snin saru fiha mijiet ta’ partiti, se tkun qed tingħata l-ħajja mill-ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dan it-trasferiment juri li l-gvern qed ikompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu.
“Aħna qegħdin naraw li parti oħra min-naħa ta’ isfel ta’ Malta li kienet mitluqa, illum il-ġurnata se tkun tista’ tiġi żviluppata. Grazzi għal dan it-trasferiment, il-Marsa se jkollha ground tal-football kif jixirqilha biex tħarreġ lill-players tagħha. Din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern se jkun qed jieħu biex naraw lill-clubs Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija”, tenna Grima.
Huwa temm billi qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-players tal-Marsa FC se jkollhom post xieraq fejn jitħarrġu kif ukoll se jagħti iktar ħajja lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.