Fi stqarrija il-Partit Laburista sostna illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista issa huwa ffaċċjat b’test ieħor jekk verament irid juri li l-Partit Nazzjonalista qed jinbidel biex jerġa’ jikseb il-kredibbiltà.
L-istqarrija tagħmel referenza għal dak li ssejjaħ bħala attakk fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Aron Bugeja dwar Egrant, mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. "Dan ifisser li fil-grupp parlamentari Nazzjonalista għad hemm min irid jimmina l-ġustizzja u bis-skiet tiegħu Adrian Delia jkun qed iħallih jagħmel dan."
"B’hekk f’dan l-istadju żdied test ieħor għal Adrian Delia," kompla jgħid il-Partit Laburista. "L-ewwel test hu li għad irid iġiegħel lil Simon Busuttil jerfa’ r-responsabbiltà talli kien parti mill-ikbar frame up politiku u t-tieni li b’mod immedjat jikkundanna l-aġir ta’ Karol Aquilina. Jekk ma jgħamilx dan Adrian Delia ma jkunx kredibbli meta jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid jinbidel."
Iktar kmieni illum Aquilina xerred rapport ta' sit tal-aħbarijiet lokali fuq Facebook u qal li inkjesta mhix vanġelu. Hu kien qiegħed jirrerferi għall-inkjesta illi ma sabet ebda provi li Egrant Inc qatt kienet ta' Michelle Muscat, sabet firem foloz fuq dokument li ġie ppreżentat fil-Qorti minn Pierre Portelli u ma sabitx kontijiet tal-Kumpanija Egrant Inc. fil-Bank Pilatus.
Egrant Inc. kienet infetħet flimkien ma' Tillgate u Hearneville ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, rispettivament, minn Nexia BT. Huma lkoll kieneu kumpaniji reġistrati l-Panama. Minkejja dan Nexia BT ma jidhirx li kienet għadha fetħet kont għal Egrant Inc. anke jekk kienu żvelati emails minn Daphne Caruana Galizia li juru illi sid Egrant kien se jingħata permezz ta' kuntatt fuq Skype.