"Xahar u nofs mill-bidu ta' sena skolastika ġdida, il-Partit Nazzjonalista jinnota b'diżappunt li dawk kollha interessati għadhom fil-għama dwar is-sistema ta' trasport mingħajr ħlas."
Hekk sostna fi stqarrija l-PN li qal illi minkejja li kienet imwegħda fil-baġit, "il-Gvern għadu qed iżomm lill-istudenti, il-ġenituri, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti u lill-kumpaniji u l-individwi li joffru servizzi ta' trasport lill-istudenti sajmin għal-kollox mill-informazzjoni meħtieġa dwar kif u meta se tkun imwettqa din il-wegħda. Dan meta s-sena skolastika ftit li xejn baqgħalha biex tibda u l-ġenituri kif ukoll l-operaturi tat-trasport tal-iskejjel ikunu qed jippjanaw għas-sena skolastika li tibda x-xahar id-dieħel."
Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex kemm jista' jkun malajr jinforma b'mod ċar lil kull min hu involut dwar kif se tiġi introdotta u implimentata din l-inizjattiva u ma jibqax jitnikker fid-diskussjonijiet u l-informazzjoni dwarha.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li din l-inizjattiva kienet wegħda fil-programm elettorali taż-żewġ partiti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu aktar minn sena biex jistudja kif se jimplimentaha.