190 passiġġier tal-linja tal-ajru Ryanair irċevew ċekkijiet mhux iffirmati bħala kumpens għal dewmien li sofrew xi xhur ilu, bil-konsegwenza li l-banek ma aċċettawx tali ċekkijiet u allura l-kumpens ma ngħatax. Minkejja dan, il-banek xorta ħa €20 f'tariffa.
Żvela dan l-inċident is-sit BBC li kkwota mara tgħid li kienet ilha 11-il xahar tistenna l-kumpens, biex mhux talli ma ħaditx dan il-kumpens talli ċ-ċekk ma setax jissarraf u kellha tħallas lill-bank it-tariffa ta' €20, jiġifieri spiċċat minn taħt.
Minn April li għadda iktar minn miljun passiġġier fl-Ewropa kellhom titjiriet ikkanċellati jew li ġew ittardjati, skont il-figuri tal-kumpanija Ryanair stess.
Ryanair apoloġizzat għal dan l-iżball li ħalla 190 minn 20,000 passiġġier bla kumpens u qalet li dan kien 'żball amministrattiv'.