Ilbieraħ tard waranofsinhar, membri mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga assistiti mill-Pulizija tas-sezzjoni tal-klieb, għamlu tfittxija f’razzett fis-Siġġiewi minn fejn ġie elevat iktar minn kilo sustanza, suspettata li hija eroina li kienet moħbija ġo gallinar. Wara aktar investigazzjonijiet il-Pulizija elevat ukoll ammont iżgħar ta’ sustanza bajda suspettata li hija kokaina li kienet moħbija ġo vettura. Din il-vettura kienet qed tiġi użata minn ġuvni ta’ 33 sena residenti Ħal Qormi.
Il-ġuvni flimkien ma’ sid ir-razzett, raġel ta’ 42 sena mis-Siġġiewi, ġew arrestati u meħuda fil- Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għadhom għaddejjin. Il- Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bis-sejba u ordnat li ssir inkjesta. Hi ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Mhux eskluż li ż-żewġt irġiel jitressqu l-Qorti taħt arrest għada b’rabta ma’ din is-sejba tad-droga.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.