Il-Gvern, permezz tal-Avukat Ġenerali, ta l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra fid-9 ta’ Awwissu mill-avukati Ingliżi Bhatt Murphy li lmentaw mill-mod kif qiegħda titmexxa l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u allegaw li l-Gvern Malti qiegħed jikser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dik l-investigazzjoni.
Fl-ittra ta’ risposta interim, il-Gvern għamilha ċara li huwa jieħu r-responsabbilitajiet tiegħu taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-akbar serjetà u assigura lil Bhatt Murphy u lill-familja Caruana Galizia b’dan.
Il-Gvern wera d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-opinjoni legali maħruġa minn din id-ditta ta’ avukati kien fiha numru ta’ allegazzjonijiet li mhumiex sostnuti u insinwazzjonijiet bla bażi kif ukoll informazzjoni skorretta.
Fl-ittra, il-Gvern għamilha ċara lill-avukati Ingliżi li l-Maġistrat li qiegħed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, għandu libertà assoluta li jagħmel dak kollu meħtieġ mingħajr ebda biża’ jew favuri sabiex iwettaq ix-xogħol tiegħu.
Il-Gvern asserixxa li l-ġudikatura f’Malta hija indipendenti u li l-investigazzjoni hija l-aktar waħda li għaliha ġew dedikati riżorsi fl-istorja tal-infurzar tal-liġi f’Malta. Tliet persuni suspettati li wettqu l-qtil diġà ġew mixlija quddiem il-Qorti u l-investigazzjonijiet dwar min aktar seta’ kien involut qegħdin jissoktaw bla waqfien.
"Il-Pulizija u s-Servizz tas-Sigurtà Maltin qegħdin jiddedikaw riżorsi sinifikanti ħafna għal dan il-każ iżda wieħed ma jistax jistenna li dawn jikkummentaw fil-pubbliku kontinwament dwar dak li qegħdin iwettqu."
"L-awtoritajiet Maltin qegħdin ukoll jaħdmu mill-qrib ma’ awtoritajiet internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, u riċentement id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol pubblikament ikkjarifikat stqarrija ambigwa dwar il-każ li kien għamel il-predeċessur tagħha dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjoni."
Il-Gvern wera d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-avukati Ingliżi jqisuh bħala għadu tal-familja tas-Sinjura Caruana Galizia. Il-Gvern m’għamel xejn għajr li ħadem bil-għaqal ma’ sieħba barranin fil-qasam tal-infurzar tal-liġi sabiex dawk responsabbli jitressqu biex jiffaċċjaw il-ġustizzja.
Huwa naturali li jkun hemm element ta’ frustrazzjoni dwar il-fatt li l-investigazzjoni qiegħda tieħu ż-żmien tagħha iżda dan mhuwiex ħaġa mhux tas-soltu f’investigazzjonijiet komplessi bħala mhi din.
Il-Gvern irriżerva li jipprovdi risposta ulterjuri għall-ittra u għar-rapport tal-Avukati Ingliżi u stqarr li huwa kien qiegħed jibgħat din ir-risposta proviżorja biss għax l-Avukati kienu esiġew risposta ta’ malajr f’Awwissu.